Wednesday, April 17, 2024

Diċembru 2021 rreġistra żieda qawwija ta’ kuntratti ta’ bejgħ ta’ proprjetà u konvenji

Aqra wkoll

F’Diċembru li għadda, l-għadd ta’ kuntratti ta’ bejgħ ta’ proprjetà residenzjali u kif ukoll l-għadd ta’ konvenji żdiedu b’rata qawwija fuq bażi annwali. Dawn kienu wkoll ogħla mill-ammonti ta’ Diċembru 2019 qabel ma bdiet il-pandemija.

Fl-istess xahar ir-rata tat-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali baqgħet b’saħħitha hekk kif l-attività ekonomika kompliet tirkupra mil-livelli baxxi rreġistrati fl-2020. Madankollu din naqset xi ftit mil-livelli għoljin li kienu reġistrati riċentement.

Fl-aġġornament ekonomiku ta’ Jannar magħmul mill-Bank Ċentrali ta’ Malta jingħad li l-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-fiduċja juri li f’Diċembru s-sentiment batta meta mqabbel max-xahar ta’ qabel, iżda baqa’ ferm ogħla mil-livelli reġistrati sena qabel u ftit biss taħt il-medja. 

L-istima tal-Bank Ċentrali tal-Indiċi tar-Rispons tal-Gvern għall-COVID-19 – indikatur li jiġbor diversi miżuri ta’ trażżin, miżuri ekonomiċi u dawk relatati mas-saħħa li daħlu fis-seħħ b’reazzjoni għall-pandemija – żdiedet f’Diċembru meta mqabbla max-xahar ta’ qabel iżda kienet taħt l-istima rrappurtata fiż-żona tal-euro.

F’Novembru 2020, il-produzzjoni industrijali naqset fuq bażi annwali għar-raba’ xahar konsekuttiv. Sadattant, il-volum tal-bejgħ bl-imnut żdied b’ritmu aktar mgħaġġel. 

Skont l-istess aġġornament ekonomiku, ir-rata tal-qgħad baqgħet fil-livell ta’ 3.5% meta mqabbla ma’ Ottubru, iżda baqgħet taħt il-livell irreġistrat qabel il-pandemija.

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) telgħet għal 2.4% f’Novembru minn 1.4% f’Ottubru, filwaqt li l-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI) telgħet għal 2.4% minn 2.3% rreġistrata xahar qabel. 

Is-self lil kumpaniji li kien suġġett għal moratorju baqa’ limitat ħafna fl-aħħar ta’ Novembru. Dan kien jammonta għal €27.3 miljun li jfisser 0.2% biss tas-self pendenti. Dan jirrifletti rkupru fid-dħul u l-iskadenza tal-perjodu tal-moratorji għall-biċċa l-kbira tal-benefiċjarji. 

Sal-aħħar tax-xahar, kienu ngħataw 653 faċilità għal skopijiet ta’ kapital tax-xogħol u ta’ ħlas lura tas-self lin-negozji milquta mill-pandemija taħt il-Malta Development Bank COVID-19 Guarantee Scheme, li jikkorrispondi għal ammont totali ta’ €507.3 miljun, jew 65.2% tal-mira tal-iskema.

Ekonomija

Sport