Saturday, December 13, 2025

Diċembru favorit mal-Maltin biex isiefru … Stmat li 25% tal-passiġġieri li jivvjaġġaw f’dan ix-xahar ikunu lokali

Aqra wkoll

F’jum il-Milied huma biss ħamsin titjira li ser jaslu jew jitilqu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, biex b’hekk din tkun l-aktar ġurnata kwieta tas-sena 2025. Dan it-tnaqqis fl-attività fl-ajruport jiġi osservat kull sena, hekk kif ħafna drabi dawk li jagħżlu li jivvjaġġaw fil-vaganzi jkunu waslu fid-destinazzjoni tagħhom sal-Milied sabiex igawduh mal-familja.

L-ivvjaġġar għal żmien il-festi mistenni jerġa’ jirranka jumejn wara. Is-27 ta’ Diċembru mistennija tkun l-aktar ġurnata impenjattiva tax-xahar, fejn madwar 30,000 passiġġier ser jaslu jew jitilqu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fuq 206 titjira. Dan in-numru ta’ titjiriet f’jum wieħed, li jisboq il-medja tas-sajf 2025, jirrifletti domanda b’saħħitha għall-ivvjaġġar f’Diċembru, partikolarment mill-Maltin.

Filwaqt li matul is-sena, minn kull sitt passiġġieri li jgħaddu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, wieħed ikun Malti, f’Diċembru dan jinbidel għal wieħed minn kull erbgħa. Din iż-żieda fl-ivvjaġġar fost il-Maltin tista’ tiġi attribwita għal bosta fatturi bħall-vaganzi tal-iskola, vjaġġi biex wieħed jingħaqad mal-familja għal żmien il-festi u anki x-xewqa li wieħed jesperjenza xitwa differenti minn dik li taf toffri Malta. F’dan l-istaġun huwa aktar faċli li wieħed iżur is-swieq tal-Milied, jerħilha għal xi avventura fis-silġ jew jesperjenza temp tassew xitwi, grazzi għal titjiriet aktar frekwenti lejn l-Iskandinavja, l-Iskozja, it-Tramuntana tal-Italja u l-Polonja.

Sadattant, iż-żieda ta’ titjiriet fuq ħafna mir-rotot li jgħaqqdu lil Malta mal-Polonja taw spinta lil dan is-suq, biex b’hekk f’Novembru klassifika mal-aqwa tlitt iswieq wara r-Renju Unit u l-Italja. Fir-raba post ġie s-suq Ġermaniż li rreġistra biss rata ta’ tkabbir marġinali fuq l-2024. Min-naħa l-oħra, is-suq Spanjol irreġistra rata ta’ tkabbir b’saħħitha li permezz tagħha spiċċa mal-aqwa ħamest iswieq ta’ Novembru wara nuqqas sostanzjali mill-klassifika.

Dawn is-swieq kienu responsabbli għal kważi 62% tat-traffiku kollu ta’ Novembru, li laħħaq 734,791 moviment tal-passiġġieri.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport