L-eks attakkant ta’ Chelsea, Didier Drogba, ingħata l-permess biex jikkontesta l-elezzjonijiet li ilhom imdewma biex ikun il-president li jmiss tal-Federazzjoni tal-Football tal-Ivory Coast (FIF).
B’kollox sitt kandidati, inkluż il-viċi-president u s-senja Idriss Diallo, ġew approvati mill-kumitat ta’ normalizzazzjoni tal-FIF installat mill-FIFA biex joħorġu fil-votazzjoni tat-23 ta’ April.
Il-votazzjoni kienet oriġinarjament skedata li ssir f’Settembru 2020, iżda ġiet posposta ripetutament minħabba kwistjonijiet li għadhom għaddejjin dwar l-eliġibilità ta’ ċerti kandidati, inkluż Drogba.
“Il-kandidatura hija magħluqa,” Mariam Dao Gabala, president tal-kumitat tan-normalizzazzjoni tal-FIF, ħabbret f’konferenza tal-aħbarijiet.
“Ġew reġistrati sitt kandidati, li huma Yatte Ellele Jean-Baptiste, Arnaud Aka, Laurent Kouakou, Idriss Diallo, Sory Diabate u Didier Drogba,”
Drogba lagħab aktar minn 100 darba mal-Elephants, inkluż fit-Tazza tad-Dinja tal-2006 u tal-2010, iżda f’Awwissu tal-2020 qalulu li ma kienx eliġibbli biex joħroġ fl-elezzjoni.
Wara intervent mill-FIFA, il-player ta’ 44 sena, li rebaħ erba’ titli tal-Premier League, erba’ FA Cups u ċ-Champions League f’żewġ perjodi ma’ Chelsea, iżomm it-tama tiegħu li jmexxi l-logħba fil-pajjiż tal-Afrika tal-Punent.
L-eks Player tas-Sena Afrikan tal-BBC issottometta formalment il-formoli tiegħu nhar it-Tnejn u tenna x-xewqa tiegħu li jibdel il-wiċċ tal-logħba Ivorjana.
“Fl-aħħar hawn aħna. Ma nistax nistenna li tibda l-kampanja. Għandi fidi qawwija fija nnifsi biex nagħti l-ħajja lill-football Ivorjan jekk niġi elett,” qal Drogba.
Il-ġimgħa li għaddiet Drogba qal lil BBC Sport Africa: “Nista’ nġib il-bidla li l-federazzjoni u l-clubs jeħtieġu. Il-football mhux qed jiżdied kif suppost u kif irridu fl-Ivory Coast.”
Drogba deher ukoll għall-clubs Franċiżi, Guingamp u Marseille, maċ-Ċiniżi, Shanghai Shenhua, ma’ Galatasaray tat-Turkija u mal-club tal-MLS, Montreal Impact, matul il-karriera distinta tiegħu bħala player.