Thursday, November 6, 2025

Differenza ċara 

Aqra wkoll

Wara li għal jumejn wara xulxin segwejna fil-Parlament ir-replika tal-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg u mbagħad ir-risposta tal-Prim Ministru Robert Abela, wieħed malajr jista’ jasal għal konklużjoni li kien hemm differenza kbira. Differenza li tindika ħafna dwar iz-zewg mexxejja politici. 

Id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni kien wieħed nieqes minn viżjoni. Kien diskors mill-aktar negattiv u mimli tmaqdir anke lejn miżuri mill-aqwa kif ġew esposti fid-diskors tal-Budget u li ntlaqgħu b’mod pożittiv minn kulħadd. Fuq kollox kien diskors mimli żbalji fattwali li kkonfermaw kemm il-Kap tal-Oppożizzjoni huwa nieqes minn għarfien xieraq tal-ekonomija tal-pajjiż u tal-fatti li jsawwru l-istat tan-nazzjon Malti illum.

Il-Prim Ministru Robert Abela għamel diskors li kien wieħed fattwali li fih rnexxielu jwassal il-messaġġi pożittivi kollha tal-miżuri imħabbra fil-budget u fl-istess ħin, iġarraf, wieħed wara l-ieħor, l-argumenti foloz li pprova jbella’ lin-nies il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Biżżejjed wieħed jagħrbel l-argument falz tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar iż-żjieda ta’ €10 fil-ġimgħa lill-pensjonanti. Ma titwemminx il-loġika ta’ Alex Borg kif niżżel dan l-ammont għal €5 u qabbel din iż-żjieda ma’ ħobża bil-kunserva u t-ton taż-żejt. Li jaħseb li xi ħadd se jemmnu li l-pensjonanti mhux se jieħdu l-€10 mħabbra fil-budget huwa insult lejn l-intelliġenza tal-poplu li jaf jagħrbel dak li jkun qed jisma’. L-istess jista’ jingħad għall-ħrafa li vvinta fuq iż-żjieda lill-Ministri, ħrafa li ma emminha ħadd għax il-pagi tan-nies kollha fiċ-ċivil jżdiedu kull sena skont il-ftehim kollettiv.  Żbalji kbar oħra ta’ Alex Borg kienu dwar il-ħaddiema barranin u l-għadd ta’ Maltin li huma sidien ta’ darhom.

Min-naħa l-oħra, fid-diskors tiegħu il-Prim Ministru wassal messaġġ car. Fisser fid-dettal il-benefiċċji tal-miżuri mħabbra fil-budget. Fisser il-ġid li qed joħroġ mill-andament ekonomiku b’saħħtu tal-pajjiż. Fisser il-viżjoni tal-Gvern Laburista għas-snin li ġejjin, b’investimenti kbar fl-intelliġenza artifiċjali u l-kumplament tat-teknoloġija, fil-manifattura moderna, fl-oqsma tal-gaming u s-servizzi finanzjarji. Fuq kollox kien diskors li anke kompla jibni fuq dak li tħabbar fid-diskors tal-budget meta ħabbar li minbarra Manoel Island, il-Gvern issa ser jagħti lura lill-poplu Malti art kbira u sabiħa biex tinbidel f’park nazzjonali, l-art fejn hemm il-kumpless tal-White Rocks.

Huwa ċara li wara li jkunu raw iż-żewġ diskorsi, in-nies fil-kwiet ta’ darhom jibqgħu jevalwaw u ma tantx jinsew xi jkunu segwew. In-nies jafu jgħarfu min qed iqassam il-ġid u jipproponi serjeta fit-tmexxija tal-pajjiż u min qed joffri biss tmaqdir u negattività. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport