Wednesday, December 25, 2024

Differenzi grammatikali fid-djaletti Maltin u Għawdxin

Patri Hermann Duncan O.Carm

Aqra wkoll

Id-djalett hu tip ta’ lingwa mitkellma f’reġjun partikolari. Fil-gżejjer Maltin insibu numru ta’ djaletti bħall-Għarghuri, l-Mosti, in-Naxxari u s-Sannati fil-gżira Għawdxija. Id-djalett m’għandux x’jaqsam mal- aċċent li nsibu bejn komunità u oħra. Biż- Żejtuni ngħidu “ruġel” u bin Naduri “ruġul” għar-raġel. Ngħidu “killex” biż-Żebbuġi u “killix” bis-Sannati, “kullox” jew “kullux” bix-Xjukkajri. Xi min daqqiet id-djalett jirreferi għal differenza fit-tnissil tal- kelma, fil-grammatika u kemm fil-vokabolarju. 

F’pajjiżna nsibu bosta aċċenti għax il-kliem jingħad differrenti f’kull raħal eż. Sigħat f’xi mkejjen tingħad sagħat, baħar tingħad beħer u sema tissejjaħ seme jew semae għax il-vokali fl-aħħar la hi “a” u lanqas “e” iżda ħoss vokakaliku ieħor li kien jinsab fil-Malti djalettali imma mhux fl-istandard.

Id-differenzi fost id-djaletti tinsab mhux biss fil-vokali iżda tidher ukoll fil-konsonanti eż. Fix-Xewkija l-“q” tingħad “k” bħal kuddiem (quddiem) jew trik (triq). Fiż-Żejtuni u fix-Xlukkajr, l – “m” issir “b”, bumli xkora minflok mimli xkora. F’xi djaletti l- ahka ġieli tinħass u issib min jgħid daħri (dahri) u deħeb (deheb). Fid-djaletti Għawdxin l- għajn tinstema’ u fil-bidu kienet ir-rgħajn u fil-kliem dgħajsa, għana u xogħol titlissen bħal-“r” Franċiża.

Se nitkellmu ukoll xi ħaġa dwar id-differenzi grammatikali skond id-djaletti Għawdxin insibu li l-plural ta’ torta u karozza huma differenti mill- plurali li jużaw il-Maltin. L-Għawdxin jużaw torot u kroroz minflokk torti u karozzi. Biro li biha niktbu hija maskil għall-Għawdxin u femminili għall-Maltin. Minflokk naqta’ xagħri jew naħsel xagħri l-Għawdxin jużaw naqta’ x- xagħar u naħsel ix-xagħar. Fl-irħula n-negattiv ta’ huwa jiġi mihux (mhuwiex), u ta’ huma jiġi mihomx (mhumiex).

Fit-Tramuntana ta’ Malta fil-Mosta, fil-Mellieħa, fil-Manikata u f’Għawdex il- Komparattiv ta’ baxx mhux aktar jew iżjed baxx, iżda ibxex jew ibaxxa. (eż. L- għatba ibxex mill – oħra).

Fiż-Żurrieqi, l-Imġarri u f’xi rħula oħrajn minflok mhux qed jew qiegħed jaħdem jużaw ma qedx / qiegħedx jaħdem forma ta’ negattiv li mhix tinsab fil-Malti standard.

Fid-djaletti Maltin u Għawdxin insibu varjazzjonijiet lessikali jiġġifieri jintuża kliem differenti għall-istess oġġett jew għemil. F’Bormla antiporta jgħidulha boxxla, in-nannakola fir-Rabat u f’Ħad-Dingli jgħidulha żajba, żajbona u fis- Siġġiewi semperlina u fl- Imqabba żappellina. F’xi postijiet oħra tissejjaħ żabettina, sebbellika jew barlażjola. L-interjezzjoni jew rimarka “jaqq” fiż- Żurrieq, Ħal Safi u fil-Qrendi jużaw ukoll “ħażż” bit-tifsira ta’ taqżiż meta l-ikel ikun ħażin u anke f’Għawdex. Dik it-tajra jew ġugarell li ntajru fis-sema tissejjaħ manuċċa fiż-Żejtuni u fix-Xlukkajr, u f’xi lokalitajiet oħra tingħad fjamma jew ħamiema. 

Mela nsibu dawn id-differenzi kemm fil-pronunzja, fil-grammatika kif ukoll fil-vokabularju, u nistgħu ngħidu li minkejja ċ- ċokon ta’ bosta bliet u rħula Maltin u Għawdxin, dawn xorta għandhom djaletti partikolari li jagħżilhom mill-bqija.

Id-djalett jagħti wkoll identità u karattru lil dak li jkun u jsebbaħ ukoll l-ilsien tagħna. M’għandniex inħossuna nferjuri għax nitkellmu bid-djalett, anzi għandna nkunu kburin li pajjiż żgħir bħal tagħna għandu d-djalett. L-aktar djalett li jispikka hu l- Għawdxi għalkemm jeżistu wkoll djaletti f’rħula u bliet ġewwa Malta kif għadna kemm rajna. Jeħtieġ li noqogħdu attenti biex dawn ma jintilfux fi żmienna. 

Is-Sur Emil Calleja Bayliss kien ħareġ lista tad-differenza bejn il-kliem Malti u Għawdxi. Għal Għawdex, l-Għawdxin jużaw Għawdix, smontor minflok fidda, ċombini flok labar tal- inxir, fettul minflok biskuttel, ħafsa minflok ponta, ħaxxem minflok qares, mejdina minflok mejda ċkejkna, perċa minflok ħabel tal-inxir, pinuri minflok pilloli, regħex minflok staħa, xenxul minflok għanqbud, mejt minflok sturdament, mitraħ minflok saqqu u ħajm minflok fsied. Mela d-djalett m’għandux qatt ikun xi forma korrotta tal-ilsien jew xi verżjoni baxxa li mgħandiex tingħad quddiem in-nies. Hemm differenza bejn il-Malti standard li jintuża fil-pubbliku, fl-iskejjel, fix-xandir u fl-amministrazzjoni u l-Malti djalletali marbut ma’ reġjun partikolari. Fin-Naduri ħareġ studju minn Ruben Farrugia fejn jiddeskrivi lid-djaletti huwa varjeta’ tal-mod kif titkellem. Il-lingwa hija varjeta djalettali li ngħatat l-istatus ta’ lingwa standard. Id-djalett jidher li jmur barra minn normal. Għandu pregudizzju kontrih. Id-djalett jagħti identità u jassoċjaħ ma’ dak ir-raħal. Fin-Nadur hemm varjetajiet. Il-Malti ħa ż- żona tal-belt tal- klassi l-għolja. Dejjem ikun hemm preġudizzju kontrih kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex fuq kull djalett għax imur kontra r- regola. F’Għawdex min jitkellem bid-djalett juri li hu parti minn dak il-qasam. Ma nafux kemm hemm djaletti għax m’hemmx studju. Nagħrfuh mill-aċċent għax ma jiddistingwix ruħu mill-ħsejjes imma fid-differenzi tal- lessiku, u differenzi grammatikali bħal plurali differenti. M’għandniex riżultati konkreti. Fis-sintasi (binja tal- kelma) il-Malti djalettali mhux aċċettat fl-eżamijiet għax irid jintuża l-Malti standard. Il-Malti hu djalett mitkellem mill-Għarab li kienu Sqallija. Dak li għandu s- saħħa politika jiddetta l-lingwa li għandha tintuża skond it- tagħrif mogħti mill-Istudju Għawdxi Ruben Farrugia.

Fost l-Għawdxin insibu kliem b’tifsir differenti fis-sentenzi:-

Kemm konna naqtgħu trampi (kummiedji) meta konna għadna żgħar.

Kemm timxi bil-mod qisek għakruxa (bebbux tal- art)

Ħaxxem (għalaq)

Moxt (Pettne) – Imxatt xagħri bil- moxt.

Buqqiegħa (bużżieqa) – Talgħatli buqqiegħa f’sieqi

Purtiera tal-qasab (Ħasira)

Bokkla (klippa tax- xagħar) – Xtrajt bokkla ġdida għal xagħri

Borża (Pakkett) – Xtrajt borża Twistees

Brika jew Bruka (Lighter)

Forfra Brija (Dandruff)

Ċuplajs (siġra tal- bajtar).

Id-djalett t’Għawdex ivarja minn dak ta’ Malta ftit li xejn fit- tlissin, iżda fil-kliem għandu xi ftit tiegħu biss li mhumiex magħrufin f’Malta ħlief xi setturi fin-naħa tal- Punent. Id-djalett hu ta’ siewi kbir għax kull belt jew raħal għandu d-djalett partiklulari tiegħu li tikkaraterizza kull lokal. Dawn id-differenzi fil-pronunzja, fil-grammatika u fil-vokabularju jagħżel il-bliet u rħula Maltin u Għawdxin minn xulxin.

Ekonomija

Sport