Saturday, December 21, 2024

Differimenti fil-Qrati tal-Familja b’każijiet ta’ vjolenza domestika serji 

Aqra wkoll

Meta persuna tidħol fil-Qorti taf, iżda meta toħroġ ma tafx. Dan huwa l-kliem li ħafna drabi tisma’ u taqra fuq kwistjonijiet li bilfors għalihom ikun hemm bżonn l-intervent fil-qrati tagħna. Il-proċeduri jieħdu fit-tul u minkejja l-isforzi u inizjatttivi li saru, għad hemm sitwazzjoni tal-biki minħabba differiment wara l-ieħor li bħala kważi prassi, il-posponiment tas-smigħ jingħata x-xhur wara. 

Meta kwistjoni tkun fuq proprjetà jew il-każ ma jkunx wieħed serju, mhiex daqstant problema biex wieħed jistenna xi ftit iżda, meta l-każ ikun ta’ natura serja bħalma huma l-każijiet ta’ vjolenza domestika b’theddid iddokumentat ta’ qtil, hemm m’hemmx lok ta’ stennija. Hemm ħajja fin-nofs.

Hekk ġara l-ġimgħa l-oħra f’każ ta’ mara li kellha s-smigħ il-Qorti tal-Familja biex jinħareġ ordni ta’ protezzjoni. Ordni importanti ħafna għax jista’ jevita l-qtil tagħha. Jevita femmiċidju ieħor f’pajjiżna. Bir-rata li għaddejjin, każijiet bħal dawn għandhom jittieħdu b’serjetà assoluta. Għal xejn nibku wara u nwegħdu azzjoni meta din l-azzjoni mhiex tittieħed.

Il-mara lmentat li barra li saret taf li l-kawża tagħha ġiet differita fuq l-għatba tal-Qorti dakinhar stess, hija tinsab iddisprata għax għaliha, il-vittmi tal-vjolenza domestika mhumiex jittieħdu bis-serjetà. “Għamilt diversi rapporti fuq serq, theddid, tgħajjir abbużi u anke swat. Ippreżentajt vidjows tiegħu jiġri warajha, daħalli d-dar u jgħajjat li se joqtolni. Kollox dokumentat u xorta ilna għaddejjin mis-sena 2000,” spjegat din il-vittma. 

Hija qalet li mhuwiex faċli għal nisa bħalha li jmorru l-qorti għax trid tipprepara ruħha minn ġimgħa qabel biex tkun ippreparata mentalment ħalli, b’xi mod, tkun tista’ tiffaċċja lill-agressur tagħha. “Ħafna jingħad mill-esperti, mill-Pulizija, minn ministri u oħrajn iżda nħoss li mhuwa jsir xejn. Huwa minnu li jitkellmu fuq it-televiżjoni u jinkitbu l-artikli, iżda ħadd mhuwa jeħodna bis-serjetà,” temmet din il-mara.

“Għamlu kuntatt mal-Aġenzija Appoġġ”

Talk.mt irrefera dan l-ilment lill-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali. Hawnhekk staqsjena dwar jekk hemmx xi pjanijiet biex kazijiet fil-Qorti bħal dawn ma jibqgħux idumu snin bil-għan li tkun indirizzata s-sigurtà tal-persuna, ikunu evitati d-diffikultajiet finanzjarji, kif ukoll dawk psikoloġiċi. 

Fir-risposta qalulna li filwaqt li l-Ministeru Soċjali u l-FSWS ma jistgħu jagħmlu xejn dwar differimenti ordnati mill-Qrati, il-Fondazzjoni għandha diversi servizzi ta’ għajnuna għall-vittmi ta’ vjolenza domestika. 

Il-kelliem tenn jgħid li, “għaldaqstant nistiednu persuni f’din is-sitwazzjoni biex jagħmlu kuntatt mal-Aġenzia Appoġġ fi ħdan l-FSWS biex ikun stabbilit liema forma ta’ għajnuna, inkluża dik legali, tkun tista’ tingħata skont il-każ partikolari”.

Ekonomija

Sport