Friday, May 3, 2024

“Diffiċli tibqa’ ħaj f’Gaża … ħabibti u bintha nqatlu sakemm ir-raġel mar jixtri l-ħobż”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Kull sekonda taħt theddida li jinqatlu. Diffiċli tibqa’ ħaj jekk tibqa’ f’Gaża. Id-djar huma ibbumbardjati. Dan ġenoċidju. Kelli ħabiba fejn hi u tifla tagħha nqatlu. Ir-raġel mar jixtri l-ħobż u sakemm irritorna sab li inqatlu. Id-dar li kellna aħna ġiet ibbumbardjata u nqerdet. Inkwetata kull ħin u kull mument għal familti – ommi, missieri, ħuti u n-nanna. Qegħdin jgħixu fi tbatija kbira. Bla ikel. Bla mediċini. Mingħajr ilma. B’mod kontiwnu nisma’ bi ħbieb tiegħi li inqatlu. X’jibqa’ fik! Insib serħan biss meta jirnexxieli nagħmel kuntatt, u nittama li dak ma kienx l-aħħar wieħed”. 

Dan iddikjaratu ma’ IT-TORĊA, Nour Zaqqout, studenta Palestinjana li proprju ftit jiem qabel bdiet il-gwerra f’Gaża, ġiet f’pajjiżna biex tkompli bl-istudji tagħha.  

Tkellimna ma’ Nour fl-aħħar sigħat, fejn  b’leħen kalm ħafna u imma li juri persuna li hi mħassba ħafna, esprimiet dak li għaddejja minnu bħalissa. 

“Li nkun f’post ieħor waqt li l-familja tiegħi qed tiffaċċja ż-żminijiet mill-agħar taħt l-aggressjoni brutali Iżraeljana fuq Gaża titfa’ ħafna piż fuqi.  Id-distanza li tifridna tidher kbira wisq. Ta’ kuljum, il-biża’ taħkimni. Jibdew għaddejjin il-ħsibijiet  li qatt ma jista’ nerġa’ narahom. La għandhom elettriku, bla ilma u ikel.  Il-kommunikazzjoni hi diffiċli. Dan kollu hu ta’ tħassib kbir għalija. Gass biex isarju m’għandhomx u għalhekk irid jaraw kif se jsajru l-ftit ikel li jkollhom.  B’mod kontinwu maħkuma minn ansjetà. Naf li ħajjithom hi mhedda kull sekonda!. Nixtieq inkun magħhom. Kieku kont naf li se jsir dan il-ġenoċidju kont nibqa’ magħhom. Nippreferi nmutu flimkien. Nisma ta’ kuljum bi ħbieb tagħna li tilfu ħajjithom. Nara xi jkun qiegħed jiġri. Uġieġħ ta’ qalb kontinwu u inċertezza”. 

Kelli ħabiba inqatlet hi u bintha … ir-raġel għamel ħamest ijiem jgħix taħt it-tifrik

“Nista’ ngħidlek li kellna familja ħbieb tagħna.  Ir-raġel tagħha kien mar jixtri l-ħobż u kif mar lura lejn daru sab li  l-mara u tifla kienu inqatlu. Meta irritorna sab li d-dar kienet ibbumbardjata. Din kienet ħabiba kbira tiegħi.  Anki id-dar tagħna kienet ibbumbardjata. Ġew bit-tankijiet tal-gwerra u litteralment qerduha”, tgħid Nour. 

“Fil-mument il-ħsieb tiegħi hu li familti tinħareġ minn Gaża. Ma tistax tgħix jekk tibqa’ f’Gaża bil-bumbardamenti li għaddejjin. Qegħdin jinkinsu żoni sħaħ”, tisħaq Nour. 

Nour li għandha 27 sena, tgħid li “qatt m’għaddieli minn rasi li waqt li kont se nkun qiegħda nistudja f’Malta, kienet se tfaqqa’ din il-gwerra li qiegħda thudded il-ħajja ta’ familti.” Fi kliemha stess, xejn mhu faċli li tistudja f’Malta meta taf b’dak li qiegħda tiffaċċja familtha f’Gaża.”

L-istudji tagħha huma għal Master’s Degree fejn parti mill-istudji tinvolvi l-ġenoċidji, xi ħaġa li hi tiddeskriviha bħala li qiegħda sseħħ quddiem id-dinja bħalissa f’Gaża u mhu jsir xejn dwarha. 

“Bil-lejl ikolli problemi ta’ rqad … tlift ħafna nies li nafhom”

“Ikolli problemi biex norqod bil-lejl. Nara l-aħbarijiet u nsegwi dak li għaddej. Il-ħin kollu moħħi jaħseb fihom.  Ftit ilu, il-familja tiegħi,  kif għamlu ħafna familji oħra, telqu min fejn kienu jgħixu minħabba l-periklu. Din kienet żona li kienet attakkata. Tlifna ħbieb u ġirien tagħna waqt dawn il-bumbardamenti.”

Tkompli tgħidilna li “familti marru lejn Rafah, li hi fin-nofsinhar ta’ Gaża. Il-ħsieb kien għax ħasbu li hemm se jkunu aktar siguri. Imma anki hemm is-sitwazzjoni hi waħda perikoluża. Id-dar ta’ ħdejna kienet ġiet meqruda u issa anke d-dar tagħna inqerdet. Hemm kriżi umanitarja kbira. Hemm nuqqasijiet kbar ta’ provvisti essenzjali. M’hemmx aċċess għal ilma nadif.”

Tkompli tgħid li “n-nuqqasijiet kbar li hemm qegħdin jaffettwaw b’mod negattiv ħafna lin-nies u tfal. Hemm nuqqas ta’ iġene. Oħti iż-żgħira qiegħda tbati minn gastroenteritis u dan minħabba nuqqas ta’ ilma nadif u faċilitajiet sanitarji kif suppost.”

Tibda ħidma biex tiġbor flus biex jinħarġu

“Quddiem dak li għaddej ma nistax nibqa’ inħares. Ma rridx li nispiċċa jien biss li nibqa’ ħajja. Bdejt kampanja biex niġbor fondi biex jinħarġu minn Gaża. Mhux faċli toħroġ minn hemm.  Trid madwar  $10,000 għal kull persuna biex bħalissa jaqsmu minn Gaża lejn l-Eġittu. Din tfisser spiża ta’ madwar $100,000.  Il-flus se jkunu biex jagħmlu tajjeb għal evakwazzjoni.  Li rrid jien fil-mument hu li jinħarġu minn Gaża lejn post sigur.”

Min jixtieq jgħin lil Nour jista’ jagħmel dan billi jagħti dondazzjoni fuq https://www.gofundme.com/f/escaping-genocide-gaza-evacuation-for-my-family.

Sport