Monday, May 5, 2025

“Difna ferm aktar umana minn dik li ssir bħalissa”

Żgħażagħ jippreferu l-kremazzjoni… Żewġ persuni jistennew permessi biex jibnu krematorju

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Il-kremazzjoni hija ferm aktar umana u innovattiva mid-difna li ssir bħalissa. Dan għax bil-kremazzjoni hemm modi differenti kif tonora lill-persuna għażiża li mietlek. Tista’ jew iżżommha viċin tiegħek jew titfa’ l-irmied f’postijiet partikolari. Għalija li tkun midfun f’ċimiterju ‘l bogħod mill-għeżież tiegħek hija kerha wisq. Barra minnhekk ma togħġobnix l-idea li ġismi jibqa’ warajja wara li jien nieqaf neżisti. Sħabi kollha jaħsbuha l-istess. Il-kremazzjoni tal-ġisem wara l-mewt hija l-aħjar għażla.”

Qalet dan żagħżugħa li tinsab frustrata li minkejja li l-liġi tal-kremazzjoni f’Malta għaddiet snin ilu, din l-għażla għadha mhiex possibbli. Fir-rigward tkellimna ma’ Rosianne Cutajar, il-Membru Parlamentari Laburista li min-naħa tagħha x-xogħol kollu meħtieġ għal din il-liġi sar u issa hemm bżonn min, wara li jitlestew il-proċeduri meħtieġa, jiftaħ krematorju biex sa fl-aħħar ikollna dan is-servizz lokalment.

Cutajar spjegatilna li, “il-liġi ilha li għaddiet ħames snin. Il-liġi għamiltha jien fuq inizjattiva tiegħi. Bħalissa hemm żewġ individwi partikolari li għaddejjin fi stadju ta’ ippjanar biex iġibu l-permessi meħtieġa ħalli jibnu l-krematorju. Jiġifieri bħalissa qegħdin ftit weqfin. Ovvjament issa ma jiddependix minni għax xogħli, bħala membru parlamentari, kien li nagħmel il-qafas legali”. 

Il-kremazzjoni f’Malta

Għal dawk li mhumiex kurrenti mal-aħħar żviluppi dwar il-kremazzoni f’Malta, l-Att dwar il-Kremazzjoni sar fl-2019. Minn informazzjoni li għaddielna l-Ministeru tas-Saħħa dan l-Att joffri il-qafas legali meħtieġ għat-twaqqif ta’ servizzi lokali ta’ kremazzjoni mis-settur privat fejn jipprovdi alternattiva għall-metodi tradizzjonali ta’ dfin. 

L-għażla tal-kremazzjoni tindirizza kemm it-tħassib dwar impatt ambjentali, kif ukoll id-domanda li dejjem qegħda tikber għas-servizzi ta’ kremazzjoni. Din hija tip ta’ disponiment finali jew it-trattament finali ta’ fdalijiet ta’ mejjet fejn il-katavru jitnaqqas għal fdalijiet kremati. L-att tal-kremazzjoni jseħħ f’faċilità apposta msejħa krematorju.

Ma’ dan l-att f’pajjiżna ġie mwaqqaf ukoll Reġistru Nazzjonali tal-Kremazzjoni li jinżamm mis-Superintendent tas-Saħħa Pubblika. Fih persuna tista’ tirreġistra jekk tiġix kremata jew le. L-informazzjoni tista’ tiġi aċċessata biss wara l-mewt tal-individwu ħalli tiġi ddeterminat jekk dik il-persuna kinitx irreġistrat xi intenzjoni dwar il-kremazzjoni. Dan dejjem, ladarba, dan is-servizz jibda jiġi offrut.

L-irmied… x’jiġri minnu?

Waħda mill-aktar mistoqsijiet li tiġi f’moħħ dak li jkun fir-rigward hija dik ta’ x’jiġri mill-irmied tal-mejjet wara l-kremazzjoni. Il-fdalijiet kremati jitpoġġew f’kontenitur magħluq u jingħataw lill-applikant. L-irmied jista’ jinżamm f’residenza privata; imqiegħed għall-wiri f’bini li jkollu permess bil-miktub tas-sid ta’ dik ir-residenza privata; jew inkella midfun xorta waħda f’qabar bil-permess meħtieġ skont l-artikolu 141 tal-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija.

Barra minnhekk, il-fdalijiet kremati jistgħu wkoll jiġu midfuna fil-baħar, ħlief f’żoni rikonoxxuti għall-għawm jew f’portijiet; imxerrda jew mqegħda f’xi residenza privata, b’permess bil-miktub tas-sid ta’ dik ir-residenza privata, jew mxerrda f’xi spazju miftuħ maħsub apposta għat-tifrix ta’ fdalijiet kremati.

Fil-fatt, din it-tfajla spjegat kif, “tista’ tagħmel tant affarijiet differenti bl-irmid mill-kremazzjoni ta’ għażiż li miet. Fosthom tista’ tħalltu ma’ inka tat-tattoos u tagħmel tattoo bih fuqek. Hekk iġġorr lil dak li jkun dejjjem miegħek. Tista’ wkoll tpinġi pittura b’taħlita ta’ rmied u kuluri. Tista’ tidfnu f’siġra jew tpoġġih f’kontenitur sabiħ fid-dar tiegħek. Hekk qisu tnaqqas ftit mill-firda. Tista’ anke ġġorru fuqek hekk kif illum tista’ tikkonverti l-irmied f’ħaġar prezzjuż. Dan għax il-ġisem tal-bniedem fih il-karbonju. Tista’ wkoll tferrxu f’xi post li l-persuna li mietet kienet tħobb tmur fih, inkluż fil-baħar jew f’pajjiż partikolari fuq xi muntanja”.

B’nota ddiżappuntata hija temmet tinsisti li għaliha “huwa inuman li nidfnu lill-għeżież tagħna fiċ-ċimiterju minħabba li l-maġġorparti jindifnu f’qabar pubbliku. Dawn jinqalgħu mill-post kull tliet snin u ma jibqalekx post fejn iżżur il-persuna li tlift. Irid ikollok qabar tal-famila imma ħafna nies m’għandhomx għax dawn jiswew mhux ħażin flus”. 

Bħalha hemm ħafna żgħażagħ oħra u anke persuni ta’ etajiet ikbar. Għaldaqstant, filwaqt li almenu llum il-ġurnata għandna liġi tal-kremazzjoni, wieħed jittama li jinbena krematorju f’Malta biex dawk kollha li jixtiequ din l-għażla, sa fl-aħħar ikollhom is-servizz.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport