L-iskema ‘Ixtri Proprjetà Sostenibbli’, amministrata mill-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni, intlaqgħet b’mod tajjeb ħafna tant li s’issa daħlu kważi 100 applikazzjoni fl-ewwel ftit ġimgħat wara t-tnedija tagħha.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ġusizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard fil-Parlament meta kien qed iwieġeb mistoqsija li saritlu mid-Deputata Laburista Romilda Zarb.
‘’Ixtri Proprjetà Sostenibbli’ hi skema ġdida li permezz tagħha dawk li se jixtru proprjetà li hi konformi mal-istandards ta’ sostenibbiltà, se jkunu qed jirċievu għotja ta’ bejn €4,500 u €9,000 maqsuma fuq it-tliet snin li ġejjin.
F’konformità mal-viżjoni Malta 2050, din l-iskema tifforma parti minn sensiela ta’ inizjattivi li l-Gvern qed jimplimenta biex aktar persuni f’pajjiżna jkunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom – b’mod li jkun sostenibbli u favur l-ambjent.
Din l-iskema hija miftuħa għal kulħadd, inkluż dawk li huma first-time kif ukoll second-time buyers, b’din l-aħħar skema tinċentiva l-akkwist ta’ binjiet sostenibbli.
Meta wieħed jikkalkula l-għajnuniet kollha flimkien, dawn il-persuni jistgħu jkunu eleġibbli għal sa kważi €30,000 f’għajnuna diretta, li jinkludu: l-għotja ta’ €10,000 lil min qed jixtri l-ewwel proprjetà tiegħu, l-eżenzjoni mit-taxxa tal-boll fuq l-ewwel €200,000 tal-valur tal-proprjetà, u l-għajnuna finanzjarja l-ġdida taħt din l-iskema, li tvarja skont il-livell ta’ effiċjenza fl-enerġija tal-proprjetà.
Din l-iskema għandha l-għan li tkabbar id-domanda għal proprjetajiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u allura, se tkun qed tgħin ukoll sabiex l-istokk tal-bini li se jinbena fis-snin li ġejjin ikun wieħed sostennibli. Permezz ta’ dan, il-Ministru Attard spjega, li pajjiżna jkun jistà jkompli fit-triq li qabad sabiex jilħaq il-miri Ewropej stabbiliti għal bini effiċjenti fl-użu tal-enerġija.
Dawk li xtraw proprjetà sostenibbli mill-1 ta’ Jannar ta din is-sena ’l quddiem se jkun jistgħu jikkwalifikaw għal din l-iskema. Il-propjetà trid tinxtara sal-aħħar ta’ Settembru 2025, meta tagħlaq l-iskema.
Is-sidien il-ġodda ta’ Proprjetajiet li huma klassifikati bħala Net Zero, jew aħjar dawk il-proprjetajiet li jiġġeneraw iżjed enerġija milli għandhom bżonn bħala konsum, se jkun qed jirċievu l-ammont ta’ €3,000 fis-sena, fuq tliet snin, għat-total ta’ €9,000. Filwaqt li dawk li l-proprjetà tagħhom hi waħda li hi 20% aħjar minn dak rikjest mill-istandards Ewropej, li għandhom x’jaqsmu mal-enerġija, se jkunu qed jirċievu l-għotja ta’ €1,500 fis-sena, għal tliet snin, b’total ta’ €4,500.
Sadanittant, l-iskema ġiet miftuħa għall-pubbliku mit-Tnejn 19 ta’ Mejju. L-applikazzjonijiet qed jintlaqgħu b’mod elettroniku minn fuq is-sit bca.gov.mt. Għal iżjed informazzjoni wieħed jistà jċempel fuq il-linja 138.