Sa issa diġà nħarġu 5,000 ċertifikati ta’ ħiliet lil ħaddiema barranin minn pajjiżi terzi. 78 fil-mija taċ-ċertifikati nħarġu lil ħaddiema li diġà jinsabu jaħdmu fiżikament f’pajjiżna filwaqt li 22 fil-mija l-oħra nħarġu lil dawk li għad mhumiex jaħdmu f’Malta.
Sebgħa u tletin fil-mija (37%) tal-ħaddiema barranin li ġejjin minn pajjiżi terzi u li qed jgħixu f’Malta rnexxielhom jikbsu b’suċċess ċertifikat ta’ ħiliet, skont dak li kien meħtieġ minnhom. Fl-istess waqt 47% ta’ dawk li għamlu t-tieni fażi ta’ verifikazzjoni u li mhumiex jaħdmu f’Malta ma għaddewx mill-eżami illi sarilhom.
Dwar il-proċess tal-Iskill Cards esprima ruħu l-Kap Eekuttiv tal-ITS, is-Sur Pierre Fenech li tkellem dwar il-bżonn kbir ta’ pajjiżna fir-rigward tal-ħiliet tal-ħaddiema li hemm bżonn fis-settur turistiku. Huwa qal li issa qed naraw ir-riżultati. Il-figuri li qed naraw illi ħaddiema li diġà jinsabu jaħdmu f’pajjiżna fis-settur tat-turiżmu, ħafna minnhom qed jgħaddu mill-eżami u jingħataw skills pass. Parti minn dan is-suċċess huwa dovut għal ħafna mill-employers li investew fit-taħriġ tal-ħaddiema.
Fl-istess waqt, is-Sur Fenech qal lill-Orizzont li sfortunatament dawk li ġejjin minn barra pajjiżna, numru sostanzjali tagħhom mhumiex jgħaddu mill-eżami bażiku. Huwa qal li; “Aħna bħala pajjiż nemmnu illi kien wasal iż-żmien illi dawk il-ħaddiema li ma jkollhomx il-ħiliet bażiċi li pajjiżna għandu neċessarjament bżonnhom, m’għandhomx jingħataw permess illi jiġu jaħdmu hawnhekk”.
Dwar il-Labour Migration Policy, is-Sur Fenech qal li din il-politika hija usa minn dik illi kienu bdew bħala ITS. Dwar dan kompla jgħidilna; “meta niedejna s-sistema tal-iskills pass fl-ospitalità, il-Gvern kien ċar mill-bidu illi din hija l-ewwel pass”.
Il-Kap Eżekuttiv irrimarka li bħala ITS qegħdin f’kuntatt ma’ diversi entitajiet u Ministeri differenti biex ikun żgurat li jkun hemm koordinazzjoni sħiħa u li tingħata l-għajnuna fejn ikun hemm bżonn.