“Minn mindu l-leġiżlazzjoni favur l-IVF inbidlet f’pajjiżna, twieldu 728 tarbija. Dawn huma ħajjiet imprezzabbli.” Iddikjara dan il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela fil-winding up tad-diskussjoni b’rabta mal-estimi tal-Awtorità dwar il-Protezzjoni ta’ Embrijuni għas-sena finanzjarja 2025.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Abela għamel aċċenn għall-fatt li dan is-servizz offrut mill-Gvern huwa bla ħlas. Huwa spjega li s-sena li għaddiet, l-Awtorità rċeviet rikjesta għal 2,908 intervent. Numru rekord. L-aktar sena li din l-awtorità pproċessat rikjesti. Mir-rikjesti, 623 applikazzjoni ġew approvati.
Dwar ir-rifużjoni tal-mediċini assoċjati mal-IVF, il-Ministru Abela qal li fl-2024 ġiet estiża din ir-rifużjoni għal kull min f’Malta uża dawn it-tip ta’ mediċini mill-1 ta’ Jannar 2022. “Dan ifisser li l-Awtorità s-sena l-oħra ħallset ’il fuq minn żewġ miljun ewro f’rifużjoni ta’ ħlas ta’ dawn il-mediċini.”
Huwa żied li wieħed jista’ jgħid kemm hu utli dan is-servizz, meta jħares lejn it-take home baby rate. Innota kif bħal kull proċedura oħra fil-mediċina qatt ma nistgħu ngħidu li t-trattament li jingħata se jirriżulta f’suċċess. “Hemm ħafna fatturi involuti”, qal il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva.
“Meta qed inħaru lejn din ir-rata, pajjiżna għamel avvanzi kbar. L-IVF meta tkun qed tiġi wżata sperma minn donatur, it-take home baby success rate hi ta’ 11%. Din hija tliet darbiet aktar mir-rata meta tintuża sperma mill-partner tal-persuna.
“Dawn huma suċċessi li għandna nkunu kburin bihom li qed naraw li persuni li jridu jkollhom it-tfal, qed ikollhom aktar opportunità u l-opportunità qed tissarraf f’aktar suċċess. It-take home baby rate is-sena l-oħra ta’ 36% hi qabża ta’ 9% fuq is-sena ta’ qabel,” qal il-Ministru Abela.
Tkellem ukoll dwar dak li sejjaħlu l-fenomenu tal-outsourcing peress li “ridna nimmodernizzaw l-ART Clinic u kien hemm perjodu ta’ ftit xhur li din kienet magħluqa. Għalhekk il-Gvern ħaseb bil-quddiem biex is-servizz tal-IVF jiġi outsourced u hekk għamilna.”
Dwar meta se terġa’ tibda taħdem l-ART Clinic, huwa spjega kif ir-ristrutturar u t-tagħmir hu lest. “Għaddew diversi ġimgħat ta’ validità ta’ dan it-tagħmir u ċertifikazzjoni u qegħdin on track biex dan is-servizz tal-ART Clinic minn Mater Dei jibda jaħdem f’Ġunju li ġej.”
Paola Hub irid jibda jaħdem f’fażijiet
Rigward il-Paola Hub, il-Ministru Abela rrikonoxxa li l-ebda sptar ġdid ma joffri s-servizzi kollha f’daqqa. “Li qed ngħidu huwa li lejn l-aħħar ta Ġunju, bidu ta’ Lulju se jibdew jiġu offruti servizzi f’żewġ sulari ta’ din l-istituzzjoni imbagħad s-servizzi kulma jmur jibqgħu jiżdiedu.
“Ħafna mis-servizzi li se jkollna fil-Paola Hub huma estensjoni tas-servizzi li hemm f’Mater Dei. Tranżizzjoni bilfors irid ikun hemm. F’fażijiet irid jibda jaħdem il-Paola Hub għal raġunijiet kliniċi, ta’ sigurtà għall-pazjenti tagħna,” tenna jgħid il-Ministru Abela.