Saturday, December 20, 2025

Dik l-imbierka IMMA

Aqra wkoll

Meta l-punt tat-tluq ikun li trid tkun b’xi  mod negattiv, anke fil-konfront ta’ xi ħaġa li tkun tajba, u tajba ħafna, allura tirrikorri għall-għajnuna ta’ IMMA. Dan b’żieda mal-istrateġija ta’ aljenazzjoni. Qabbad triq differenti minn dik li tkun qed tiġi diskussa. Ma naħsibx li qed nitkellem tqil, imma xorta se nipprova niffaċilità l-argument.

Nieħu wieħed mill-aktar eżempji klassiċi riċenti, Budget 2026. Budget li fih innifsu l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma setgħet b’ebda mod issib x’tikkritika. X’għamlet meta allura sabet ruħha dahra mal-ħajt? Fil-parti ta’ ġewwa ta’ kantuniera? Irrikorriet għall-għajnuna tal-IMMA. Qabdu din in-narrattiva: dak propost huwa tajjeb IMMA mhux biżżejjed, aktar u aktar meta tiftaħru li għandna ekonomija b’saħħitha! Imisskom għamiltu aktar minn hekk. Sadattant jippruvaw inessuk x’ħallew warajhom fis-sena 2013, is-sena li sal-ewwel xhur tagħha kienu għadhom fil-Gvern.

Ħu l-pensjonijiet. Taħt Gvernijiet Nazzjonalisti l-pensjonijiet kien ilhom snin twal litteralment friżati. Il-pensjonanti kienu jingħataw biss PARTI miż-żieda li kienet tingħata għall-għoli tal-ħajja. Għax bħal donnu  meta l-pensjonant imur jixtri, min ibegħlu kien se jżommlu parti mill-prezz, kien se jagħtih roħs għax pensjonant. Issa, għax sa mis-sena 2013 lil hawn Gvern Laburista ŻIED KULL SENA l-pensjonijiet għamlu dak li semmejtlek aktar qabel: IMMA stajtu tajtu aktar!!!

Jirrikorru għal din it-tattika fuq kull benefiċċju soċjali ieħor, inkluż dawk li taħthom jew ma kienux jeżistu jew baqgħu ma jkunux aġġornati.

Eżempju ieħor. Il-qasam tas-saħħa. Filwaqt li jippruvaw jaljenawk mill-fatt li ta’ KULL ĠIMGĦA kien ikun hemm lista listun ta’ mediċini out of stock kienu waslu saħansitra jippruvaw jirredikolaw billi jgħidulna li qegħdin tagħmlu għaġeb minn xejn, għax anke għand tal-merċa xi kultant ikun hemm il-piżelli out of stock. Teżi li kien ħareġ biha l-eks-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil Ħaż-Żebbuġ.

Issa, għax l-iskarsar ta’ xi mediċina verament ikun, u jekk, darba f’mitt qamar, ittantaw ibeżżgħu, iwerwru lin-nies dwar il-kwalità tal-mediċini. Jimplikaw li l-poplu qed jingħata mediċini inferjuri. Sadattant jirrikorru wkoll għall-istrateġija ta’ aljenazzjoni. Jevitaw kompletament milli jitkellmu dwar il-formolarju tal-mediċini. Minn x’hiex kien jikkonsisti fis-sena 2012, l-aħħar sena taħt Gvern Nazzjonalista, u xi jipprovdi llum. Hemm baħar jaqsam. U allura jirrikorru għat-tattika tal-IMMA. Jippruvaw inisslu dubju fil-kwalità tal-mediċini. Dik hi IMMA oħra.

Il-qasam tax-xogħol. Jaljenawk milli jfakkruk li fl-aħħar sena ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista kien hawn aktar minn 8,000 ruħ ifittxu x-xogħol. Ċifra li llum ma ssibha mkien. Qatt ma kien hawn nies jaħdmu f’pajjiżna daqs kemm hawn illum.  Jaljenawk milli kull bidu tax-xahar kien ikun rappurtat fil-mezzi tax-xandir xi tkun iċ-ċifra ta’ nies bla xogħol. Ċifra li dejjem tiżdied u sadattant min jaħdem kien ikollu kundizzjonijiet ta’ xogħol inferjuri għal dawk tal-lum għax dak lest  noffrilek u għal dak li qed noffrilek hawn mija lesti jeħduh.

Illum jippruvaw javvelenawk kontra l-ħaddiema barranin. Razziżmu sottili u f’ċertiu każijiet fil-beraħ, bla ma jgħidulek x’lesti jagħmlu, u kif se jkeċċu lill-ħaddiema barranin. U ovvjament ma jgħidulekx min se jagħmel dak li qegħdin jagħmlu l-ħaddiema barranin għax Maltin u Għawdxin jfittxu tali xogħol m’hawnx. Għalhekk anke hawn jużaw IMMA. Kull ħaġa li tiġri, b’xi dell negattiv, IMMA qed jiġru dawn l-affarijiet għax hawn ħafna barranin.

U l-qasam edukattiv? Filwaqt li jipprovaw inessuk mhux biss kemm tiffranka flus fi trasport ta’ wliedek għall-iskola kif ukoll li minn wara l-2013 lil hawn ma bqajtx tħallas għall-eżamijiet ta’ wliedek, fost paraflun affarijiet oħra fejn tidħol edukazzjoni, malli tqum l-iċken problema imqar fi klassi waħda fi skola, jirrikorru għall-IMMA li hawn wisq taħlit ta’ tfal barranin jattendu l-iskejjel tagħna.

U l-prezz tal-enerġija? Jippruvaw jaljenawk MILL-FATT li taħthom il-poplu kien jistenna sa tmiem kull xahar biex ikun jaf mhux jekk hux se jogħla l-kont tad-dawl imma B’KEMM se jogħla. Mhux jekk hux se jogħla l-prezz tal-gass imma B’KEMM se jogħla.  Mhux jekk hux se jogħla l-prezz tal-petrol u d-diesel, imma B’KEMM se jogħla. Jippruvaw jaljenawk u jnessuk li r-raġuni li kienu jagħtuk kienet li la darba l-prezzijiet għolew barra allura jogħlew hawn ukoll. Is-soluzzjoni li kienu joffrulek: aħsel il-ħwejjeġ bil-lejl!

Issa dwar dan is-suġġett ħarġu b’IMMA oħra, almenu sa ftit jiem ilu, peress li din hija t-tielet waħda: IMMA anke jekk nitilgħu aħna l-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu dawk li huma. 

Ara tieħux ċans!!!

[email protected]

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport