Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg kitbet dwar il-ħtieġa li jkunu regolati l-platforms tas-social media. Din hi dikjarazzjoni f’waqtha u wasal iż-żmien li din id-diskussjoni f’pajjiżna noħduha bis-serjetà bħal ma ħaduha pajjiżi oħra. Huwa minnu li xi minn daqqiet niddiskutu bi prominenza d-diskors ta’ mibgħeda (hate speech) b’rabta mal-midja soċjali. Iżda, dak hu biss aspett wieħed.
L-indikazzjoni tas-Segretarju Parlamentari responsabbli mir-riformi li l-gvern lest iħares lejn riforma ħolistika f’dan is-settur hija dikjarazzjoni li għandha tintlaqa’ b’maturita jekk kemm -il darba rridu nġibu fuq quddiem nett il-ġid tas-soċjeta kollha kemm hi speċjalment ta’ dawk vulnerabbli.
Ħa nitilqu mill-punt li naqblu magħha li l-midja soċjali hi parti mill-ħajja ta’ ħafna nies. Ġabet magħha diversi benefiċji. U żgur li dawn ma jistgħux jkunu injorati jew nemmnu li nistgħu ngħaddu mingħajrhom. Xejn minn dan. Din hi realtà li qiegħda biex tibqa’ magħna.
Peró huwa proprju għalhekk li daqstant ieħor hemm prattiċi li wieħed irid iħares lejhom, jew inkella oqsma fejn wieħed ikun iktar viġilanti u attent. F’xi kummenti fuq il-midja soċjali malajr kien hemm min prova jispinja dak li qalet Buttigieg bħal li kieku trid xi ċensura. Ikun żbaljat jekk id-diskussjoni noħduha f’dan il-livell. Din trid tkun diskussjoni serja.
Il-vizzju (addictions) hija tema li fuq livell internazzjonali qiegħda tkun diskuss ħafna. Saħansitra uffiċjali tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tkellmu dwar dan l-impatt fuq it-tfal b’mod partikolari. Ma wasalx iż-żmien li pajjiżna jkollu wkoll sehem f’din id-diskussjoni? Speċjalment meta nafu l-użu eċċessiv tas-social media fost it-tfal. Il-mod kif wieħed jindirizza l-bullying online hu suġġett ieħor. Ma wasalx iż-żmien li ntellgħu f’livell ieħor id-diskussjoni dwar dan is-suġġett? Bla dubju, iktar u iktar meta ġieli smajna stejjer li jkexkxuk. M’għandix nħarsu lejn il-mod kif tkun proċessata d-data u regoli li jagħtuna serħan il-moħħ? U nistgħu nibqgħu nsemmu.
M’għandix nistaqsu; x’qed jagħmlu l-multi nazzjonali biex itaffu dawn ir-riskji? Jekk xejn, m’għandux jidħol il-gvern b’azzjonijiet ċari. L-Awstralja saħansitra għamluha llegali li tfal taħt is-sittax -il sena jkunu fuq il-platform. Pajjiżi oħra għażlu triq differenti. Li hu żgur li d-diskussjoni qed issir u ħadd ma qal li dawn qegħdin jiċensuraw lil xi ħadd.
Għalhekk l-attitudni matura tas-Segretarju Parlamentari Buttigieg kienet f’waqtha. Nawguraw li Malta tkun tista’ tgawdi mill-fatt li l-Kummissarju Ewropew Malti Glen Micallef ġie inkarigat biex jistudja dan l-impatt. Hu ċar li jista’ jkun hemm kolaborazzjoni.
L-appell tagħna hu wieħed ċar. Il-kliem tas-Segretarju Parlamentari hu inkorraġġanti. Naqblu magħha li gvern progressiv jitkejjel mhux biss b’kemm jagħti drittijiet, iżda wkoll b’kemm iħares lil dawk l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà. L-appell tagħna huwa ċar; ejja ma nieqfux max-xewqa u mal-ħsieb. Ejja nibnu fuq din id-dikjarazzjoni u ngħaddu għal diskussjoni li twassal għall-azzjoni. Wasal iż-żmien li din tkun riforma oħra li tista issir b’tgħalimiet minn pajjiżi oħra u fejn meħtieġ b’kollaborazzjoni magħhom ukoll.