Diversi lukandieri u negozjanti oħra marbutin mal-qasam turistiku ilbieraħ esprimew it-tħassib tagħhom għal dikjarazzjoni li saret mill-Kap Eżekuttiv ta’ Ryanair, Michael O’Leary, li wissa li jista’ jkun hemm ammont ta’ titjiriet li jitħassru matul ix-xhur li ġejjin b’mod partikolari Mejju, Ġunju u Lulju u dan dejjem jekk il-kunflitt fil-Golf Għarbi ikompli jitwal. Hu qal li l-aktar li se jintlaqu huma titjiriet ir-Renju Unit.
Lukandier li tkellem magħna qalilna li “nifhem li t-tħassib ta’ Ryanair, mhux tagħha biss imma ta’ linji oħra ta’ l-ajru. Il-kunflitt fil-Golf Għarbi qiegħed jaffettwa b’mod qawwi pajjiżi oħra ferm ilbogħod u li m’humiex involuti fil-kunflitt. Is-settur tal-avjazzjoni hu wieħed mill-aktar milqut. Diġà hemm pressjoni kbira prezzijiet tal-fjuwil tal-avjazzjoni li diġa għola sostanzjalment u dan se jwassal għal żieda fil-prezzijiet tat-titjiriet. Ir-riskju li jitħassru titjiriet, m’hemm ebda dubju li jkollha effett negattiv fuqna”.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Ryanair, kien ċar fi kliemu u indika li dawk li jivvjaġġaw jistgħu jeħlu barra minn pajjiżhom minħabba il-kaos tal-gwerra fl-Iran.
Iddikjara li bejn 5 fil-mija u 10 fil-mija tat-titjiriet f’Mejju, Ġunju u Lulju jistgħu jiġu kkanċellati jekk l-Istrett ta’ Hormuż jibqa’ magħluq.
Hu spjega li dan hemm riskju li jseħħ għax bl-imblokk tal-Iran fuq l-Istrett ta’ Hormuż, ir-rotta kruċjali tat-tbaħħir tal-gass u ż-żejt, fissret li inqatgħet madwar 40 fil-mija tal-provvisti tal-fjiuwil tal-avjazzjoni tal-Ewropa.
Il-Kap Eżekuttiv iddikjara li xi wħud minn dawk li jivvjaġġaw jistgħu jeħlu barra minn pajjiżhom, iżda qal li hija r-responsabbiltà tal-linja tal-ajru li ġġib lill-klijenti tagħha lura d-dar.
Hu ħeġġeġ lil dawk li jivvjaġġaw biex jibbukkjaw il-biljetti tal-ajruplan tagħhom minn qabel biex jevitaw li jħallsu prezzijiet ogħla.
O’Leary kompla jgħid li “għandna ajruplani li huma bbażati f’95 ajruport madwar l-Ewropa. Se jkollna nħassru rotot fi kwalunkwe ajruport fejn il-kumpanija tal-fjuwil tavżana li huma neqsin mill-fjuwil tal-avjazzjoni. Quddiem dan se nkunu qed inħarsu madwarna u se nippruvaw inwaqqfu ajruplan wieħed jew tnejn. Innaqqsu l-inkonvenjeni għall-klijenti. Imma se jkun diffiċli, se jkun ta’ sfida.”
Ma qgħadx jomgħodha u qal li tort għal kwalunkwe tħassir ta’ titjriiet għandu jkun f’idejn il-President tal-Istati Uniti u mhux tal-linji tal-ajru.
Ta’ min jgħid li s-sena li għaddiet kienet sena rekord għal Ryanair f’Malta, b’Ryanair topera 68 rotta u ġġorr 5 miljun passiġġier minn u lejn Malta.

