It-tiġrija tal-Eurosport BSJ Fleur-de-Lys Road Running ġabet fi tmiemha skeda ta’ tlielaq tal- Birkirkara St Joseph Sports Club.
Il-Club li ilu jorganizza avvenimenti sportivi għal dawn l-aħħar 25 sena, ġibed folla tajba ta’ atleti li kellhom l-għażla ta’ żewġ distanzi. Il-korsa ta’ 10km b’żewġ dawriet u l-korsa ta’ 5km madwar Birkirkara u l-periferija tal-Imrieħel.
It-tellieqa ta’ 10km intrebħet minn Dillon Cassar li waqqaf ritmu determinat hekk kif bdiet it-tellieqa. Il-pass ta’ Cassar kien tali li ppermettielu jżomm distanza komda bejnu u Aidan Tanti li kiseb fit-tieni post. Cassar temm id-distanza f’31:20. Tanti temm il-korsa fi 33:13, filwaqt li Matthew Borg spiċċa fit-tielet post f’ħin ta’ 34:47. Maria Cutajar ħadet l-unuri fit-tellieqa tan-nisa, meta għamlet ħin ta’ 45:33. Roberta Sciberras fit-tieni post spiċċat f’46:15, filwaqt li t-tielet post spiċċat Christiana Borg f’46:26.
Ir-rebbieħa tad-distanza ta’ 5k kienu l-atleti Għawdxin Matthew Xuereb u Charla Pia Vella. Xuereb marru fil-vantaġġ biex spiċċa f’16:23, segwit mill-qrib minn Mario Grech li temm it-tellieqa 9 sekondi wara Xuereb. Nigel Puli, kkompleta l-podju tal-irġiel, u spiċċa f’ħin ta’ 16:57. Charla Pia Vella kienet l-ewwel mara b’ħin ta’ 20:28. It-tieni atleta kienet il-lveterana Carmen Hili li spiċċat f’20:41, filwaqt li Yasmine McGahern spiċċat fit-tielet post f’ħin ta’ 21:13.
It-trofej tal-kategoriji Overall u Age Group ngħataw lir-rebbieħa mill-President tal-Club Ray Grech u rappreżentanti tal-Eurosport Malta li ilhom jappoġġaw il-Klabb għal ħafna snin.
“Għandna pjaċir nikkonkludu s-sena ta’ avvenimenti tagħna bit-tlielaq tradizzjonali tal-Eurosport BSJ Fleur-de-Lys f’Jum ir-Repubblika li dejjem kienet favorita soda fost ħafna atleti. Kien tajjeb li nara xi uċuħ ġodda wkoll, ħerqana li nerġgħu nilqgħuhom fl-avvenimenti tagħna s-sena d-dieħla!” ikkummenta Euchar Camilleri, Segretarju Ġenerali, Birkirkara St Joseph Sports Club. “L-2022 kienet sena tajba għall-Club, dan grazzi għall-atleti kollha li qed jieħdu sehem fl-avvenimenti, l-isponsors u l-imsieħba tagħna u ovvjament l-uffiċjali tal-Club li jaħdmu bla heda biex jagħmlu l-avvenimenti tagħna speċjali”
Il-Club irringrazzja lill-Eurosport Malta, LESA, Kunsill Lokali Birkirkara, uffiċjali tat-tellieqa u timijiet mediċi għall-appoġġ tagħhom.
Il-Club ħabbar ukoll li l-kalendarju tiegħu għall-2023 ġie ffinalizzat u se jiġi mniedi fil-jiem li ġejjin.
Għal aktar informazzjoni dwar Birkirkara St Joseph Sports Club jinsab fuq www.bsj.mt