Saturday, October 25, 2025

Dilluvju … terrur u qirda … nies midruba u mejta- Il-maltempata traġika li seħħet f’Ottubru tal-1979

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Maħsud, il-poplu Malti dalgħodu qam biex imidd idejh ħalli jsewwi l-ħerba kkaġunata lbieraħ mit-tempesta qalila li ġabet magħa sigħat ta’ terrur u qirda. Il-kont li trid tħallas Malta għal dak li ġara lbieraħ huwa wieħed għoli: tlieta maqtula, tnejn mitlufa, għexieren ta’ karozzi meqruda, għelieqi sħaħ, l-għixien ta’mijiet ta’ bdiewa mgħarrqa, toroq sfrundati u mfarrka u ħitan imwaqqa’, ħsarat kbar fil-mezzi ta’ komunikazzjoni u tal-elettriku”.

Hekk kien irrapporta L-ORIZZONT nhar is-27 ta’ Ottubru tal-1979, f’aġġornament ta’ waħda mill-akbar u l-agħar maltempati devastanti li laqtu lill-pajjiżna fl-Istorja tiegħu. Din il-maltempata, li seħħet eżattament fil-25 ta’ Ottubru 1979, kienet deskritta bħala dilluvju ta’ xita, traġedja li swiet b’kollox il-ħajja ta’ erba’ min-nies u ħalliet numru sostanzjali ta’ midruba. Maltempata li kienet ikkawżat paniku kbir b’mod partikolari fil-Marsa iżda mhux biss. Ir-riperkussjonijiet kienu kbar u l-ħidma għas-salvataġġi u tiswijiet baqgħet għaddejja ġimgħat sħaħ.

“Ħerba wara d-dilluvju tal-bieraħ wara nofsinhar”

Il-ġurnal tagħna L-ORIZZONT kien ħareġ l-aħbar li tnejn min-nies kienu tilfu ħajjithom. Dan hekk kif kien għamlet esaġerazzjoni ta’ xita li “ħadd ma jiftakar traġedja daqshekk kbira kkaġunata mix-xita. Minn wara li waqfet ix-xita enormi li għamlet, ir-rapporti ta’ nies midruba u saħansitra mejta ma waqfux. Sakemm morna għall-Istampa kien hemm mill-inqas żewġt irġiel mejta u 15-il ruħ midruba”.

Ir-rapport kien qal li ċ-ċentru ta’ din it-traġedja kienet il-korsa tal-Marsa u t-triqat li jdawruha għalkemm ma naqsitx il-konfużjoni u l-paniku fl-Imsida u fil-Wied ta’ Birkirkara. Mad-dawra kollha tal-Marsa, li kienet qisha baħar mgħarrqa taħt żewġ metri ilma, ma kontx tara ħlief karozzi abbandunati mormija fejn ġie ġie mill-qawwa tal-ilma li niżel. 

“Sibna ruħna mkaxkra 

mill-qawwa tal-ilma”

Fost il-persuni maqbuda f’din il-maltempata ta’ xita qalila l-ġurnal kien tkellem ma’ mara ta’ madwar 65 sena li kienet ġiet f’pajjiżna ma’ żewġha għal btala wara 16-il sena u b’destin, f’din il-btala kienet spiċċat l-isptar. F’din l-intervista l-mara, tibki u tolfoq, kienet irrakkontat li kienu għadhom ħerġin mill-karozza tagħhom mill-Imgieret wara li kienu marru jaraw persuna li tiġi minnhom. Kienet spjegat li, “kif bdejna n-niżla kienet nieżla xita qliel. Beda ġej il-wied u f’ħin minnhom il-wied tela’ sal-ħġieġ tal-karozza. Żewġi qalilna biex noħorġu iżda kif għamilna hekk sibna ruħna mkaxkra mal-qawwa tal-ilma”. 

Ġara li l-aħħar li kienet rat lil żewġha kien qiegħed tiela u nieżel minn taħt l-ilma u mbagħad ma ratux iżjed. Min-naħa tagħha, f’dawk il-mumenti ta’ terrur, tiftakar kif baqgħet titkaxkar sakemm żammet ma’ xarabank li kienet marbuta biex ikunu salvati xi tfal. 

Hija kienet għamlet madwar siegħa u nofs tissielet għal ħajjitha sakemm kienu marru n-nies biex isalvawha. Wara, kienet saret taf li spiċċat f’Ħal Qormi mentri żewġha kien instab fl-istess inħawi mill-pulizija. 

Il-Pulizija u l-Armata msejjħa biex isalvaw lin-nies

Mewta oħra kienet irrapportata f’wied ieħor, din id-darba f’Ħaż-Żebbuġ. F’dan il-każ kien hemm mara u żewġha Ingliżi li kienu għaddejjin b’karozza meta l-ilmiet laħquhom. Il-mara kien irnexxielha toħroġ mill-vettura u tgħum san-naħa ta’ fejn l-ilmijiet ma kienux daqshekk fondi mentri r-raġel, sfortunatament, kien inġarr mal-ilmijiet u sad-9.00 ta’ filgħaxija kien għadu ma nstabx. 

Il-pulizija u l-armata kienu qegħdin jaħdmu bla heda biex isalvaw kemm jistgħu nies. Issemma’ kif kien hemm “ħafna każi ta’ nies li ġew imkaxkra minn Ħal Qormi u sabu ruħhom jgħumu f’nofs il-korsa taż-żwiemel tal-Marsa. Il-ħidma tal-Qawwiet Armati u tal-Pulizija sabiex salvaw lil dawn in-nies saret aktar diffiċli minħabba d-dlam u l-għargħar li sat-8.00 p.m. kien għadu fl-aqwa tiegħu”. 

Irġiel u nisa u tfal jgħajjtu għall-ajjut

Għan-nies li kienu tkaxkru f’nofs il-korsa taż-żwiemel kellu jintuża ħelikopter li wara li għabbihom, baqa’ sejjer fuq il-canteen taċ-Ċentru Sportiv tal-Marsa “li fuq il-bejt tiegħu kien hemm għadd kbir ta’ rġiel u nisa u tfal kollha jgħajjtu għall-ajjut. Parti minn dawn ġew salvati wkoll mill-ħelikopter…”. L-oħrajn kienu tniżżlu minn fuq il-bejt u ttieħdu b’dgħajsa li kienet inġiebet apposta mill-pulizija.

Dakinhar in-nies li ma kienu sabu ebda għajnuna fil-ħinijiet kritiċi kienu għumu sal-ewwel appoġġ li sabu “x’aktarx xi siġra”. Mentri, kien ġie rrapportat li f’xi każi s-sewwieqa kellhom ikissru l-ħġieġ tal-karozza biex setgħu joħorġu minnha. 

Birkirkara kienet żona deskritta bħala “konfużjoni sħiħa” b’tensjoni qawwija minħabba xarabank mimlija tfal li kienet se titkaxkar mill-għargħar. Dan il-periklu kien wassal għal intervent mill-pulizija li fih rabtu ċima mal-ħadid tal-istaffa u l-parti l-oħra rabtuha ma’ poġġaman fil-ġenb tat-triq fejn salvawhom billi ħarġuhom wieħed wieħed.

Sajjetta laqtgħet bini 

ħdejn kamra tan-nar

L-ORIZZONT kien irrapporta wkoll li “waħda mis-sajjetti laqtet xi bini illi jiġi ħdejn il-kamra tan-nar tal-Każin 12th May ta’ Ħaż-Żebbuġ… żewġt ikmamar iġġarfu għal kollox filwaqt li bieb ta’ garaxx ftit ‘il bogħod infetaħ beraħ aktarx bl-istess sajjetta”. 

Is-Siġġiewi għal bosta ħin kien maqtugħ minn Ħaż-Żebbuġ peress li l-pont “indifen taħt ħafna metri ilma”; it-trasport pubbliku mill-Belt waqaf b’konsegwenza li nġabru ħafna nies f’Bieb il-Belt. Għawdex issemma’ wkoll minħabba li flimkien ma’ Malta, intlaqat minn qtugħ tas-servizzi tat-telefon u tad-dawl. Mentri, parti mill-pjazza tas-Saqqajja ċediet u kienu saru xi ħsarat fl-għajn antika ta’ taħt il-pjazza. Minħabba l-maltemp, il-lanċa tal-FAM ma setgħet tiġbor bħas-soltu xi ħaddiema f’Kemmuna imma, il-Gvern ta’ dak iż-żmien kien ipprovda lil dawn il-ħaddiema alloġġ fil-lukanda. 

L-għada: ma kienx eskluż 

li jinstabu aktar kadavri

Filwaqt li kienu qegħdin jistennew li jisbaħ biex issir valutazzjoni tal-ħsara, ingħad li l-pulizija ma eskludietx li ssib aktar persuni mejta. Fil-fatt, fl-istess edizzjoni tal-ġurnal fil-faċċata wkoll, kien hemm aħbar oħra li mara, minn Ħ’Attard, kienet tilfet ħajjitha. Dan kien sar magħruf tard bil-lejl stess u minn informazzjoni li kellhom, il-vittma kienet f’garaxx meta f’ħin minnhom il-wied faqa’ bieb u mietet. 

Stqarrija li kienet inħarġet mill-Uffiċċju Meteoroloġiku filgħaxija kienet infurmat li din il-maltempata kienet ikkaġunata minn kurrent ta’ arja kiesħa li mit-Tramuntana tal-Atlantiku baqa’ nieżel għal fuq iċ-ċentru tal-Mediterran, iltaqa’ ma’ kurrent aktar sħun li kien ġej minn fuq id-deżert tal-Libja u żviluppa temp ikrah madwar il-gżejjer Maltin. Din it-tempesta kkaġunat wasliet ta’ xita qalila f’xi postijiet u sajjetti spissi.

Persuni rrapportati nieqsa…

F’aġġornament L-ORIZZONT kien irrapporta li  wara dan l-għargħar qawwi. żewġ persuni kienu għadhom mitlufa u li l-pulizija kienu għadhom qegħdin ifittxu għal aktar kadavri. Il-persuni kkonfermati li kienu tilfu ħajjithom f’din it-traġedja kienu identifikati bħala Vivienne Hunting-ford ta’ 55 sena li mietet fil-garaxx taħt il-villa tagħha li kienet f’Misraħ Kola Ħ’Attard; Anthony Galea ta’ 64 sena li nġarr mill-ilmijiet fil-wied ta’ Ħal Qormi li kien ir-raġel tal-mara intervista fl-isptar; u John Moore, raġel ta’ 51 sena li kien fl-inħawi “Ta’ Brija” limiti tas-Siġġiewi. Dan miet meta l-karozza li kien fiha kważi ġiet mgħottija kompletament mill-ilma. 

Il-pulizija kienet irrapportata li baqgħet għaddejja bi tfitttxija għal żewġ persuni nieqsa – it-turista Ingliża Loraine Wales u Neville Hacklez li wkoll kien fuq btala f’pajjiżna. Barra minn dawn it-tnejn, il-pulizija kienet għadha għaddejja bil-ħidma minħabba suspetti ta’ iżjed nies mitlufa. Fil-fatt, Wales li kellha 39 sena kienet ir-raba’ vittma kkonfermata. Il-kadavru tagħha kien instab minn kaċċaturi jumejn wara fis-Salina wara li fil-maltemp tkaxkret mili ‘l bogħod f’Chadwick Lakes.

Irziezet meqruda u bhejjem maqtula

… Politiċi jmiddu jdejhom

Kien irrapportat li, “f’Wied Inċita saret tfittxija għal karozza li jista’ jkun li kellha fiha tnejn. Aktarx barranin. Barra n-nies mejta u l-midruba kien hemm ukoll il-ħsara kbira li ġarrbu xi nies fil-proprjetà tagħhom. Razzett ta’ 20 kamra fl-inħawi magħrufa Ta’ Bakkja ġarrab ħsarat kbar u 800 tiġieġa li kienu fih mietu”.

Il-ġurnal kien irrapporta diversi ħsarat fi rziezet oħra, xogħol għall-irkupru ta’ sistemi ta’ komunikazzjonijiet,  tindif ta’ toroq u fi djar speċjalment dawk fl-Imsida. F’Għawdex “l-istorja ma kinitx daqshekk diżastruża” u ma kienux irrapportati mwiet. Il-Ministru tal-Biedja ta’ dak iż-żmien, Freddie Micallef kien mar iżur diversi nħawi biex jara kif intlaqtu l-bdiewa waqt li l-Ministru Sant kien żar postijiet li ġarrbu ħsarat fit-triq tar-Rabat u postijiet oħrajn. Mentri, id-Deputat Laburista Joe Debono Grech kien irrapportat li filgħodu kien għamel kuntatt mal-Ministeru tad-Djar biex tinstab akkomodazzjoni alternattiva għal żewġ familji li kellhom jevakwaw id-djar tagħhom. 

Fl-aħħar aġġornament L-ORIZZONT kien qal li saret tfittxija intensiva fis-Salina wara suspetti li seta’ kien hemm xi persuni oħra taħt it-tifrik ikkaġunat mill-għargħar. L-iskwadra tal-Pulizija mmexxija mill-Kummissarju ta’ dak iż-żmien, is-Sur John Cachia, “fortunatament ma sabu lil ħadd”. 

Ix-xogħol fuq il-ħsara kkaġunata mill-maltemp kienu komplew.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport