Hamed Salahshoor ta’ 23 sena wieħed mid-dimostranti fl-Iran, spiċċa mejjet meta kien fil-kustodja tal-pulizija. Il-familja tiegħu hekk kif ingħataw il-katavru ta’ Salahshoor qalu li kollox jindika li qabel inqatel kien ittorturat.
Il-ġuvni kien arrestat fis-26 ta’ Novembru li għadda qrib Iżeh waqt li kienu għaddejjin il-protesti kontra l-Gvern. Hu kien jaħdem bħala sewwieq ta’ taxi u bħal sħabu kien ingħaqad mad-dimostranti biex fil-pajjiż ikun hemm aktar libertà.
Ftit jiem wara, il-forzi tas-sigurtà Iranjani kienu nformaw lil missieru li Salahshoor kien miet kawża ta’ attakk tal-qalb. Mill-ewwel il-familja bdiet titlob lill-awtoritajiet Iranjani biex jagħtuhom il-katavru.
Skont il-familja l-katavru ta’ Salahshoor wasal għandhom b’wiċċu mfarrak. Imnieħru, ġeddumu u partijiet oħrajn minn ġismu kienu mkissrin. Jidher ukoll li waqt li kien fil-kustodja tal-pulizija l-ġuvni kien operat minħabba li kellu qasma minn għonqu sa taħt żaqqu. Jidher li waqt l-operazzjoni anke l-kliewi ġew minsusin.
Il-midja internazzjonali mill-ewwel talbu l-kummenti tal-awtoritajiet Iranjani, iżda huma baqgħu ma rrispondew għall-ebda mistoqsija.
Il-kuġin ta’ Salahshoor qal li hu kien beda jieħu sehem fil-protesti f’Settembru li għadda wara li l-pulizija “qatlet” lil Mahsa Amini wara li nstabet li kienet libsa “indiċenti” fil-pubbliku.
Il-familja tal-ġuvni qalu li huma fl-ebda ħin ma ġew informati li Salahshoor kien arrestat. Wara ftit sigħat li ma rawhx aktar hu kien ċempel lil missieru fejn qallu li mhux se jirritorna d-dar minħabba li “fl-aħar kien sab xogħol tajjeb mal-Ministru taż-Żejt”.
Wara li “nqatel” il-membri tas-sigurtà Iranjana heddew lil missier Hamed Salahshoor li jekk jitkellem dwar il-każ kienu se joqtlulu ż-żewġ uliedu subien li kellu.