Rapporti minn ġewwa l-belt Iraqqina Saqqez – il-post fejn kienet tgħix Mahsa Amini – qed jgħidu li l-pulizija sparaw fuq eluf ta’ dimostranti li nġabru qrib il-qabar ta’ din il-mara Kurda li tilfet ħajjitha meta kienet ġiet arrestata mill-pulizija minħabba li ma libsitx il-velu.
Eluf kienu dawk li nġabru qrib il-qabar ta’ Amini u dan hekk kif 40 jum wara l-mewt tagħha l-poplu xorta waħda għadu għaddej bi protesti kontra t-tmexxija tal-pajjiż. Gruppi li jitkellmu favur id-drittijiet umani u persuni li kienu fuq il-post qalu li l-uffiċjali tas-sigurtà sparaw tiri b’armi tan-nar u anke gass tad-dmugħ fuq il-folla li nġabret. Il-protesti li bdew minħabba l-każ ta’ Amini żvolġew fi sfida qalila ħafna għat-tmexxija tal-pajjiż tant li qiegħda tkun meqjusa bħala l-ikbar intopp għar-Repubblika Iżlamika mill-1979 ’il hawn meta dakinhar kien hemm ir-revoluzzjoni Iranjana.
In-nisa qed ikunu fuq quddiem nett fid-dimostrazzjonijiet b’uħud minnhom ixejru l-velu, oħrajn jagħtuh in-nar filwaqt li oħrajn saħanistra jaqtgħu xagħarhom fil-pubbliku. Gruppi li jitkellmu favur id-drittijiet umani qalu li f’dawn id-dimostrazzjonijiet tilfu ħajjithom minn tal-inqas 234 persuna.