Nhar is-Sibt filgħaxija fil-belt ta’ Istanbul kien hemm protesti kbar fejn talbu li ssir ġustizzja vera wara l-arrest tas-Sindku tal-Belt fejn qiegħed jiġi akkużat b’korruzzjoni.
Il-midja internazzjonali qiegħda tirraporta li l-protesti li saru s-Sibt kienu l-akbar protesti li qatt saru f’dawn l-aħħar għaxar snin.
Is-Sindku Ekrem Imamoglu, l-akbar politiku rivali għall-President Tork Recep Tayyip Erdogan ġie arrestat nhar l-Erbgħa li għadda ġranet biss qabel ma kien se jkun magħżlu biex ikun il-kandidat ewlieni biex jikkontesta l-elezzjonijiet Presidenzjali li mistennija jsiru fl-2028. Skont stħarriġ tal-opinjoni pubblika Imamoglu kien qiegħed jikseb popolarità kbira tant li kien hemm biża’ li fl-2028 ikun il-President il-ġdid tat-Turkija.
Hu tressaq il-Qorti nhar is-Sibt li għadda fejn hu ċaħad kull allegazzjoni li qiegħda ssir fil-konfront tiegħu. Fost l-akkużi hu jinsab akkużat b’korruzzjoni u anke terroriżmu.
Min-naħa tiegħu l-President Tork ikkundanna l-protesti kbar li qegħdin isiru u qal li dawn qegħdin jiġu organizzati mill-Oppożizzjoni biex ikissru l-istabbilità li hemm fil-pajjiż.