Sunday, November 24, 2024

Dimostrazzjoni b’turija ta’ appoġġ lil Aleksandar Vukoje

Aqra wkoll

L-union indipendenti Solidarjetà dalgħodu organizzat dimostrazzjoni b’turija ta’ appoġġ lil Aleksandar Vukoje, li ilu għal dawn l-aħħar disat ijiem mingħajr dawl u l-ilma fl-appartament fejn joqgħod fis-Swieqi. Allegatament, sid l-appartament daħal fuqu, heddu u saħansitra qatagħlu l-aċċess għall-provvista tal-elettriku u l-ilma.

F’din id-dimostrazzjoni tkellem Vukoje nnifsu li saħaq li għandu jintbagħat messaġġ ċar li l-ebda tip ta’ vjolenza jew intimidazzjoni m’għandha post fis-soċjetà tagħna. Huwa spjega li ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar seba’ snin però dan l-aħħar ħass li s-sens ta’ sigurtà tiegħu ġiet mhedda.

Qal li s-sid il-kera daħal fl-appartament tiegħu u allegatament beda jheddu anke b’ħajtu. Semma kif ilu diversi jiem jgħix mingħajr dawl u ilma filwaqt li kien fit-tielet tentattiv u bl-għajnuna ta’ Solidarjetà, li huwa rnexxielu jippreżenta rapport lill-pulizija kontra s-sid.

Vukoje semma kif din ir-realtà li qed jgħaddi minnha mhix waħda iżolata iżda hemm ħafna oħrajn li qed jaffaċċjaw sfidi simili. Huwa żied jenfasizza li ħadd m’għandu jsofri minn vjolenza jew inditimidazzjoni fir-residenza tiegħu.

“Ninsab grat għall-appoġġ li sibt. Flimkien nistgħu nagħmlu d-differenza. Flimkien nistgħu niżguraw li ħadd ma jgħaddi minn dak li għaddejt jien,” temm jgħid Vukoje.

Sadanittant, membri ta’ Solidarjetà ħabbru li se jkunu qegħdin jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż legali ta’ Aleksandar biex tassew issir ġustizzja. Huma qed jinsistu li kemm Aleksandar kif ukoll inkwilin ieħor li avviċinawhom ma kisru l-ebda liġi u għandhom evidenza ta’ dan.

Sport