Attivisti, organizzazzjonijiet u komunitajiet iltaqgħu quddiem il-Parlament, il-belt Valletta, illum waranofsinhar biex ifakkru sena ta’ ġenoċidju f’Gaża. Id-dimostrazzjoni, kienet organizzata mill-Moviment Graffitti, l-Ambaxxata tal-Palestina f’Malta, il-Watermelon Warriors, il-Youth for Palestine, u Ġustizzja għall-Palestina, fost oħrajn.

Bħala parti mill-attività, ġiet esebita stallazzjoni viżwali biswit il-bini tal-Parlament li tfakkar il-vittmi ta’ dan il-ġenoċidju.
L-organizzaturi talbu lill-Gvern Malti jieħu pożizzjoni iktar ċara u deċisiva kontra l-ġenoċidju u l-oppressjoni kontinwa mill-Iżrael. Malta għadha ma tennietx ir-rikonoxximent tagħha tal-Istat Palestinjan, u d-dikjarazzjonijiet tagħha fi pjattaformi internazzjonali huma pjuttost ambigwi – ma jidentifikawx b’mod ċar u dirett il-ġenoċidju u ma jsejħux għal sanzjonijiet kontra l-Iżrael.

Barra minn dan, sejħu biex il-Gvern Malti jiddikjara pubblikament li mhux se jħalli provvisti militari għall-Iżrael jgħaddu mill-ibħra u l-ispazju tal-ajru ta’ Malta.

“Ma nistgħux nibqgħu nħarsu meta naraw sena ta’ ġenoċidju f’Gaża u 76 sena ta’ oppressjoni ħarxa mill-Iżrael fuq il-poplu Palestinjan. Mit-twaqqif tiegħu l-Istat Iżraeljan implimenta kampanja sistematika biex ikeċċi lill-Palestinjani minn arthom sabiex jeħodha hu. Għall-Palestinjani, dan fisser għexieren ta’ snin ta’ okkupazzjoni, apartheid u massakri bla waqfien,” qalu l-Organizzaturi tad-dimostrazzjoni.

Huma sostnew li matul din l-aħħar sena biss, iktar minn 42,000 Palestinjan sfaw immassakrati f’Gaża, l-iktar tfal u nisa, filwaqt li l-bqija tal-popolazzjoni qiegħda tmut bil-ġuħ u bil-mard. Fix-Xatt tal-Punent okkupat, l-attakki tal-insedjamenti Iżraeljani żdiedu bil-kbir, u l-forzi tal-okkupazzjoni Iżraeljana eskalaw l-aggressjonijiet qattiela tagħhom fuq irħula, kampijiet tar-refuġjati, ġurnalisti u attivisti.

“Il-kompliċità ta’ ħafna pajjiżi tal-Punent fl-atroċitajiet Iżraeljani ħallew din is-sitwazzjoni tal-waħx tmur mill-ħażin għall-agħar. L-Iżrael issa intensifika l-aggressjoni brutali tiegħu kontra l-poplu Libaniż, li ilu għal żmien twil iġarrab it-terrur tal-ambizzjonijiet kolonjali Iżraeljani. Iktar minn 1,000 Libaniż inqatlu mill-Iżrael matul dawn l-aħħar ftit jiem biss, u iktar minn miljun persuna ma kellhomx għażla għajr li jaħarbu minn djarhom,” temmew jgħidu l-organizzaturi tad-dimostrazzjoni