Friday, November 15, 2024

Dimostrazzjonijiet vjolenti fi Brussell kontra r-restrizzjonijiet tal-Covid-19

Aqra wkoll

Il-Pulizija Belġjana sparat kanuni tal-ilma u gass tad-dmugħ nhar il-Ħadd li għadda f’tentattiv biex ixerrdu dimostranti fi Brussell li nġabru biex jipprotestaw kontra l-miżuri tal-gvern kontra l-COVID-19 u t-tilqim kontra l-virus.

Għexieren ta’ eluf ta’ dimostranti ħarġu, inklużi wħud minn pajjiżi Ewropej oħra, irrabjati għaċ-ċertifikat (Pass) tas-saħħa tal-pajjiż u restrizzjonijiet oħra tal-pandemija. Id-dimostranti ġarrew katelluni bi kliem iebes kontra l-Prim Ministru Alexander De Croo kif ukoll kontra l-miżuri tal-gvern.

Id-dimostranti, li l-awtoritajiet qalu li laħħqu madwar 50,000, imxew mal-kapitali Brussell qabel ma nġabru fil-Park Cinquantenaire fil-kwartier Ewropew tal-belt fejn esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għall-politika tal-gvern dwar il-virus.

Il-pulizija kontra l-irvellijiet kienu għal-lest u eventwalment intervjenew biex ixerrdu d-dimostranti wara li injoraw l-istruzzjonijiet imxandra fuq loudspeakers li d-dimostrazzjoni spiċċat u li għandhom jitilqu.

Ir-radju RTL irrapporta li tieqa fid-dħul ta’ wieħed mill-bini tal-UE ġiet imkissra.

Il-Ħadd ġibed eluf ta’ nies jipprotestaw kontra l-mandati tal-vaċċin u restrizzjonijiet. Il-protesti saru kontra l-pass tas-saħħa tal-Belġju. Dan iċ-ċertifikat huwa prova tat-tilqim jew test covid reċenti sabiex persuni jidħlu f’ristoranti u avvenimenti kulturali b’mod partikolari.

Aktar kmieni dan ix-xahar De Croo qal li huwa importanti li ċ-ċertifikat tas-saħħa Belġjan – magħruf bħala “Biljett Covid Safe” – għandu jibqa’ “miżura temporanja u eċċezzjonali”.

Id-dimostrazzjoni fi Brussell saret hekk kif xi gvernijiet Ewropej qed inaqqsu mir-restrizzjonijiet tas-saħħa, minkejja l-persistenza tal-varjant Omicron. Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) qal nhar il-Ġimgħa li għadda li l-Omicron issa huwa dominanti iktar fl-Unjoni Ewropea u fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

Il-Belġju ra l-każijiet ta’ kuljum jiżdiedu għal aktar minn 60,000 il-ġimgħa li għaddiet tant li l-awtoritajiet tkellmu dwar “tsunami” ta’ infezzjonijiet tal-Omicron. 

Ċifri minn Sciensano, l-istitut xjentifiku tas-saħħa pubblika tal-Belġju, urew li pazjenti fl-isptarijiet żdiedu b’39% fil-jiem tal-ġimgħa ta’ qabel l-20 ta’ Jannar meta mqabbla mas-sebat ijiem ta’ qabel, iżda l-għadd ta’ sodod tal-kura intensiva okkupati naqas b’10%. Madwar żewġ terzi tal-popolazzjoni adulta fil-Belġju rċevew doża booster tal-vaċċin.

F’dan l-isfond, il-gvern ħabbar li r-ristoranti u l-bars jistgħu jestendu l-ħinijiet tal-ftuħ tagħhom għalkemm il-nightclubs u xi postijiet oħra tad-divertiment iridu jibqgħu magħluqa.

Ekonomija

Sport