Saturday, December 21, 2024

‘Din hi li hi’ – esebizzjoni tal-artist Patrick Dalli

Aqra wkoll

Miktub minn Andre Carbonaro

Bħalissa qed tittella’ esebizzjoni tal-artist Patrick Dalli ġewwa “Il-Kamra ta’ Fuq”, fl-Imqabba. Din l-esebizzjoni se tibqa’ miftuħa sat-12 ta’ Ottubru. 

It-titlu ta’ din l-esebizzjoni jagħtina ir-risposti kollha li għandna bżonn biex inkunu nistgħu niflu mill-qrib lil Dalli, hu kif inhu, l-imħabba tiegħu għan-nudo, għall-forma tal-ġisem, kif jittrasporta il-ħsieb u l-intimita’ fuq it-tila.

Din l-esebizzjoni ser tagħtina opportunità rari li naraw u niflu mill-qrib l-istil uniku ta’ dan l-artist eklettiku, mill-ewwel disinji u abbozzi għall-prodott finali, li kollha nafu l-uniċità u d-dettall fl-esekuzzjoni tiegħu biex joħrog is-sbuħija tagħhom. Xogħol magħmul kollu waqt sessjonijiet ma’ mudelli varji.

Dalli jagħtina il-ġisem uman, il-figura kif inhi, b’teknika unika, l-użu sever tal-linji, l-ispontanjetà, u d-daqqiet tal-pinzel b’ritmu rapidu li flimkien mal-użu sublimi taż-żebgħa jirnexxielu joħroġ effett uniku, kważi kważi li jista’ jissejjaħ l-effett Dallist.

B’konformità mal-pitturi ta’ Dalli magħmulin fuq skala ferm akbar, dawn it-tpinġijiet ma jagħtu l-ebda ħjiel jew konnotazzjoni ta’ sesswalità erotika, u pjuttost jelenkaw il-proċess krejattiv tiegħu. Il-figuri qegħdin f’dinja għalihom, maqtugħin minn kull rabta li jista’ jkun hemm bejnhom u bejn dawk li b’xi mod jammirawhom u jifluhom.

Saħansitra ftit mix-xogħlijiet huma kompożizzjonijiet sottili, quasi pittoreski kkrejati kompletament mill-figura jew figuri li fin fin jitmellsu intimament mal-abjad tal-karta u li jilgħabu mal-fantażija tal-moħħ b’mod li jqanqal il-ħsieb u jistimula r-ruħ.

Il-maġġor parti tax-xogħlijiet huma eżegwiti bil-faħam tal-kannol, inka u akkwarelli, flimkien ma’ ftit xogħolijiet biż-żejt fuq it-tila, dawn tal-aħħar reminixxenti tax-xogħlijiet aktar magħrufa tiegħu, fejn il-pittura hija aktar prominenti u x-xogħlijiet huma kif inhuma, jiġifieri skjetti u privi minn kull tixkil. Xejn mhu ser jaqla’ l-għajnejn, il-ħsieb u t-taħbit tal-qalb minn fuq is-suġġett prinċipali  – minn fuqha, fuqhom, hi li hi, huma li huma… tramite il-ġenju ta’ Patrick Dalli li jwassalhom sal-Kamra ta’ Fuq.

Aktar informazzjoni dwar Patrick Dalli: https://www.artsweven.com/patrick-dalli-more-info

Ekonomija

Sport