Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi għal-logħba tal-futbol minn dejjem kienet hemm. Familti minn dejjem ħabbet il-logħba, b’nannuwi u missieri it-tnejn li huma kienu jilagħbu għat-tim ta’ Birkirkara. Dan wassal għall-bidu tal-karriera tiegħi meta kelli biss erba’ snin, man-Nursery ta’ Birkirkara FC, li mbagħad kompliet man-Nursery ta’ Hibernians FC meta kelli 15-il sena.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Qrendi FC?
Din hija esperjenza u sfida ġdida li qed inħares lejha b’entużjażmu kbir. Qrendi FC għandu proġett interessanti u jien qed nagħmel l-almu tiegħi kollu biex inħalli l-marka tiegħi u ngħin lit-tim jilħaq l-għanijiet tiegħu.
Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?
Qed inħarsu lejn l-istaġun li ġej b’mentalità pożittiva u b’determinazzjoni. Kulħadd qed jagħmel l-almu tiegħu, kemm il-plejers u kemm mill-istaff tkeniku. Nemmen li bil-konsistenza u l-impenn, nistgħu niksbu riżultati tajbin u nilħqu l-għan ta’ dan l-istagun.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Kevin Ellul?
Il-kowċ Kevin Ellul huwa kowċ professjonali ħafna u jieħu t-taħriġ b’serjetá u jsir b’intensità għolja. Għandu viżjoni ċara ta’ fejn irid iwassalna u jagħraf jimmotiva lill-plejers sabiex jagħtu l-aħjar tagħhom. Iddeskrivi l-esperjenzi varji li kellek fil-futbol qabel ingħaqadt ma’ Qrendi FC.
Matul il-karriera tiegħi kelli esperjenzi vasti, fejn lgħabt ma’ diversi klabbs fil-Premier u l-Ewwel Diviżjoni. Kull tim tagħni xi ħaġa unika, kemm fuq livell tekniku kif ukoll fuq livell personali, u dawn l-esperjenzi ffurmawni bħala plejer u bħala persuna.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-futbol Malti qed jissaħħaħ sena wara sena f’kull diviżjoni. Għalkemm dan, meta kkumparat mal-livell barrani, il-futbol Malti miexi iktar bilmod.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titharrgu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Il-grawnds marru ‘l quddiem ħafna f’dawn l-aħħar snin, imma xorta hemm xi grawnds li għandhom bżonn aktar kura u manutenzjoni, u hemm minnom saħansitra anki jinbidlu mill-ġdid speċjalment fejn nitħarrġu ta’ kuljum. B’aktar investiment u ppjanar, nistgħu nagħtu lill-plejers l-aqwa ambjent possibbli biex jiżviluppaw.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Illum-il ġurnata inħares lejn il-futur tiegħi fil-futbol b’mod pożittiv kif dejjem għamilt u nibqà nagħmel sakemm tintemm il-karriera tieghi. Sakemm dan iseħħ, jien irrid inkompli nikber bħala plejer u nkompli nilħaq l-ogħla livell li jista’ jilħaq il-potenzjal tiegħi u nħalli il-marka tiegħi kull fejn inkun.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi lil dawk it-tfal jew żgħażagħ li jixtiequ jkollhom karriera fil-futbol huwa li ma jiddejqux joħolmu u jaspiraw li jagħmlu karriera fil-futbol. Importanti ħafna li jieħdu gost jilabuh il-futbol, ikun f’liema livell ikun, għax il-karriera tal-futbol hija qasira u meta jiġihom iċ-ċans, jieħduh. Inħeġġiġhom bis-sħiħ biex ma jaqtgħux qalbhom u dejjem jibqgħu jemmnu fihom infushom għax se jaffaċċjaw episodji diffiċli fil-karriera tagħhom li eventwalment minnhom jikbru u jitgħallmu.