Jinġabru ’l fuq minn €6.5 miljun għall-Community Chest Fund waqt il-25 edizzjoni ta’ ‘L-Istrina’
Is-somma li nġabret waqt il-25 edizzjoni tax-xandira annwali ta’ ġbir tal-fondi L-Istrina, li ġiet organizzata minn The Malta Community Chest Fund Foundation nhar is-Sibt, 26 ta’ Diċembru 2020, kienet ta’ €6,583,542. Il-maratona ta’ 12-il siegħa xxandret fuq l-istazzjonijiet televiżivi nazzjonali kollha.
Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Vella rringrazzjaw lill-poplu Malti tal-ġenerożità kbira tiegħu, partikularment fiċ-ċirkustanzi partikulari li għaddejjin minnhom pajjiżna u l-bqija tad-dinja. Il-President qal li l-għada tal-Milied jista’ jibda jissejjaħ ‘Jum is-Solidarjetà Nazzjonali’ jew ‘Jum l-Għaqda Nazzjonali” għax, matul ix-xandira ta’ L-Istrina, kull sena l-Maltin u l-Għawdxin jinsew id-differenzi li jista’ jkun hemm bejniethom – politiċi u ta’ xorta oħra – u jagħrfu kemm kapaċi jkunu b’saħħithom meta jkunu magħqudin.
“Matul is-snin, kien hemm kemm kien hemm inkwiet u diviżjonijiet, f’L-Istrina kulħadd jingħaqad biex jikkontribwixxi għall-istess kawża,” qal il-President. “Jidher ċar li din hija kawża li tgħaqqad lill-poplu kollu. Din għandha tkun ġurnata ta’ għaqda nazzjonali; l-għaqda li xbajt nitkellem fuqha u li se nkompli nitkellem fuqha. Dan huwa jum meta, bil-fatti, il-poplu Malti kollu jneħħi d-differenzi u jikkontribwixxi. Inħarsu lejn din il-ġurnata, lejn xulxin, u ngħidu li aħna parti minn pajjiż ċivilizzat li għandu qalbu ma tispiċċa qatt.”
Il-linji tad-donazzjonijiet se jibqgħu miftuħin u l-pubbliku huwa mistieden ikompli jagħmel id-donazzjonijiet tiegħu fuq dawn in-numri: 5190 2030 – €50; 5180 2012 – €25, 2122 6226 – wegħdiet ta’ donazzjonijiet ta’ €300 jew aktar; 5061 9201 (SMS) – €11.65; 7935 9565 – BOV Mobile Pay.