Tuesday, March 11, 2025

“Din hija riforma kompluta bil-għan li ssir ġustizzja”

- il-Ministru Jonathan Attard

Aqra wkoll

“Illum qed nassiguraw li min għandu jaffaċċja l-ġustizzja jaffaċċjaha, imma fl-istess waqt min hu innoċenti m’għandux ikun suġġett għall-martirju legali u morali.” Qal dan il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard fil-winding up tad-diskussjoni parlamentari b’rabta mal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali (Emenda Nru. 2).

Il-Ministru Attard beda biex spjega li din hija riforma li biha se jkunu qegħdin jiġu msaħħa d-drittijiet ta’ kull persuna li tista’ tkun involuta fil-proċess legali relatat mal-inkjesti maġisterjali. Qal li filwaqt li ħaddieħor ipprova jiskredita, jew lanqas biss jagħmel referenza, din ir-riforma hija waħda wiesgħa u li titratta diversi aspetti differenti relatati mal-proċedura tal-Inkjesti Maġisterjali. 

“Din hija riforma kompluta bil-għan li ssir ġustizzja, li se ssaħħaħ id-drittijiet taċ-ċittadini u tirresponsabbilizza lil kull min hu involut fil-proċess. Riforma li tagħti drittijiet ġodda u b’saħħithom lill-vittmi, tikkristalizza d-drittijiet tas-suspettat, iddaħħal kontabilità fil-ħatra tal-esperti, tintroduċi timelines realistiċi li jiggarantixxu ġustizzja effiċjenti,” qal il-Ministru Attard.

Huwa kompla billi nnota li l-membri tal-Oppożizzjoni mill-ewwel nifs ta’ din ir-riforma kienu qalu li ser ikunu kontra mill-bidu sal-aħħar. Min-naħa l-oħra, huwa nsista li din ir-riforma mhu ser tnaqqas l-ebda jedd ta’ aċċess għall-ġustizzja u mhu ser tneħħi l-ebda dritt leġittimu taċ-ċittadin, anzi għall-kontra ta’ dan, permezz ta’ din ir-riforma ser ikun assigurat li ċ-ċittadin ikollu rimedju f’kull stadju.

Il-Ministru Attard temm jgħid li: “nemmnu f’din ir-riforma. Inħarsu ‘l quddiem għall-istadju ulterjuri biex inkomplu nsaħħu dan l-abbozz ta’ liġi li għandu jiggarantixxi ġustizzja aktar effettiva u ġustizzja aktar effiċjenti.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport