Monday, June 16, 2025

Din hija sfida ġdida għalija li qed inħares lejha b’eċċitament u umiltà – Ryan Spencer

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn meta kont żgħir ħafna. Minn dejjem kont inhobb nara l futbol u minn ta eta zghira bdejt nattendi nursery tal futbol.

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek ma’ Mgarr United FC.

Mgarr United FC għalija kien aktar minn klabb … kien familja. Wara 18-il sena bħala plejer u kowċ, din l-esperjenza bnietni bħala persuna u professjonist. Kull mument kien opportunita ta’ tagħlim, sfida, u sodisfazzjon. Se nżomm memorji sbieħ abbonati ma’ dan il-klabb.

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Hibernians FC fejn servejt bħala Performance Analyst.

Li naħdem ma’ Hibernians FC bħala Performance Analyst kienet esperjenza sabiha hafna fejn tghallimt hafna minnha. Kelli l-privileġġ li naħdem f’ambjent professjonali u ngħin lill-istaff minn aspett fiżiku u analitiku. Il-livell ta’ dedikazzjoni u preparazzjoni li jrid dan ir-rwol għenuni nikber f’dak li nagħmel u nkun aktar iffukat fuq id-dettall.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-futbol Malti żgur għamel passi l quddiem, kemm fil-preparazzjoni tat-timijiet, fit-taħriġ, kif ukoll fit-teknoloġija u l-aspett ta analażi. Għad fadal xogħol xi jsir, imma qed naraw aktar żgħażagħ b’impenn, u aktar nies b’viżjoni moderna fil-logħba.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?

Il-faċilitajiet it-tajbin huma kruċjali għall-iżvilupp tal-plejers u l-logħba. Għalkemm f’dawn l-aħħar snin rajna titjib, għad hemm bżonn ta’ investiment aktar sostnut f’grawnds u infrastruttura sabiex il-futbol tagħna jikkompeti fuq livell ogħla.

Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala match analyst fl-Arabja Sawdija fejn se tkun qed taħdem spalla ma’ spalla mal-kowċis Ray ‘Zazu’ Farrugia u Brian Bartolo?

Din hija sfida ġdida għalija li qed inħares lejha b’eċċitament u umiltà. Li naħdem ma’ żewġ persuni rispettati bħal Ray ‘Żażu’ Farrugia u Brian Bartolo huwa unur kbir. Iż-Żażu huwa figura rispettata fil-futbol Malti, u l-ħidma li qed jagħmel fl-Arabja Sawdija turi l-passjoni u l-professjonalità tiegħu. Se nkun f’ambjent differenti ħafna, imma naf li se nkun qed nitgħallem ħafna minn din l-esperjenza.

Din se tkun l-ewwel darba li se tkun qed taħdem fil-futbol tan-nisa?

Iva, din se tkun l-ewwel esperjenza tiegħi fil-futbol tan-nisa, u ninsab motivat biex nagħti l-kontribut tiegħi. Il-futbol tan-nisa qed jikber globalment, u jien konvint li anke f’dan is-settur hemm spazju għal suċċess kbir.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-passjoni hija importanti hafna, imma rridu nkunu lesti wkoll għall-impenn, dixxiplina u tagħlim kontinwu. Qatt tgħix b’mentalità li taf kollox u saqsi halli tkun tista tkabbar l-gharfien tieghek. Il-futbol jagħtik ħafna, imma trid tkun lest li tagħti lura wkoll.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport