Wara li fil-bidu tax-xahar ta’ Lulju ċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran f’Raħal Ġdid beda jilqa’ l-ewwel pazjenti, issa se titkompla l-ħidma billi se jibdew jingħataw sitt servizzi ġodda. Din hija ħidma kontinwa biex iżżid l-effiċjenza u tonqos il-pressjoni fuq l-isptar Mater Dei.

Minn din il-ġimgħa, dan iċ-ċentru se jibda joffri sitt servizzi għall-pazjenti out-patient, fosthom: manometrija, podjatrija,fiżjoterapija, klinika tal-immunoloġija, u klinika mediċina respiratorja. Din il-miżura tfisser li aktar pazjenti issa jistgħu jirċievu kura speċjalizzata f’ċentru reġjonali, qrib darhom, mingħajr il-ħtiega li jmorru l-isptar prinċipali.
Is-Servizzi l-ġodda jinkludu: Manometrija (Manometry)
Dan is-servizz jinkludi testijiet bħal oesophageal manometry biex jiġi evalwat il-pressjoni fil-passaġġ tal-ikel. Dawn it-testijiet huma kruċjali biex jinstab il-kawża ta’ sintomi bħall-uġigħ ta’ stonku jew refluss aċidu.
Podjatrija (Podiatry)
Servizz speċjalizzat fil-kura tas-saħħa tas-saqajn. Il-podjatri jipprovdu dijanjosi, trattament u segwitu għal diversi kundizzjonijiet, speċjalment għal pazjenti bid-dijabete li jeħtieġu monitoraġġ kontinwu tal-pied. L-għan huwa li tiġi evitata l-komplikazzjoni, titħares il-mobilità u tiġi ppreservata l-kwalità tal-ħajja.
Fiżjoterapija (Physiotherapy)
Il-fiżjoterapija muskoluskeletali tgħin lil dawk li jbatu minn uġigħ jew problemi fil-muskoli, l-għadam u l-ġogi. L-esperti jużaw taħlita ta’ eżerċizzji u tekniki terapewtiċi biex jgħinu fl-irkupru minn korrimenti, inaqqsu l-uġigħ u jtejbu l-moviment tal-ġisem. Il-fizjoterapisti jużaw eżerċizzji u tekniki biex jirrestawraw il-funzjoni tal-ġisem u jipprevjenu problemi futuri. Huwa servizz essenzjali għas-saħħa fiżika.
Klinika tal-Immunoloġija (Immunology Clinic)
Il-klinika tal-immunoloġija tiffoka fuq dijanjosi u kura ta’ mard relatat mas-sistema immunitarja bħal allerġiji, mard awtoimmuni u immunodefiċjenzi. Il-pazjenti jingħataw pjanijiet personalizzati ta’ trattament skont il-bżonnijiet individwali tagħhom.
Klinika Respiratorja
Servizzi essenzjali li jindirizzaw problemi relatati mas-sistema respiratorja; fosthom dijanjosi u ġestjoni ta’ mard respiratorju kroniku bħal ażma, COPD, u mard interstizzjali tal-pulmun. Terapiji bħal trattamenti bl-inhalazzjoni, terapija bl-ossiġnu, u ġestjoni ta’ appoġġ ventilatorju. Minn dik il-klinika ġewwa Ċensu Moran qed tingħata wkoll edukazzjoni lill-pazjenti dwar il-ġestjoni tal-mard, waqfien mit-tipjip, u tekniki ta’ nifs. Il-kura tingħata minn tim multidixxiplinari li jinkludi pulmonologi, terapisti respiratorji, u infermiera biex finalment titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-pazjent u jitnaqqsu r-rikoverati fl-isptar.

Klinika tal-Ortopedija
F’din il-klinika jsiru dijanjosi u t-trattament ta’ disturbi muskoloskeletali, bħal ksur, artrite, u korrimenti relatati mal-isport, fuq bażi ambulatorja flimkien ma’ segwitu wara operazzjonijietwara operazzjonijiet.
Sa’ issa aktar minn 1,000 pazjent għamlu MRI
Barra minn dawn is-servizzi, il-faċilità tinkludi wkoll żewġ swali operatorji għal interventi bħal endoskopiji, li mistennija jibdew joperaw fil-ġimgħat li ġejjin. Sa issa, is-servizz tal-MRI scanner portabbli diġà serva aktar minn 1,000 pazjent — indikazzjoni ċara tal-impatt pożittiv li qed ikollu dan iċ-ċentru fuq il-komunità.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, fil-kumment tiegħu kien saħaq li dan iċ-ċentru se jkollu impatt konkret fuq is-servizz tas-saħħa f’pajjiżna, mhux biss billi jnaqqas il-pressjoni fuq l-Isptar Mater Dei, iżda wkoll billi jressaq is-servizzi essenzjali lejn in-nies. Dan iwassal għal kura aktar mgħaġġla, aċċessibbli u komda għall-pazjenti, b’aktar attenzjoni personalizzata.
Iċ-Ċentru Ċensu Moran mhux biss qed jilqa’ l-ewwel pazjenti tiegħu, imma qed jikber u jespandi kontinwament. Bil-ftuħ ta’ dawn is-sitt servizzi ġodda minn għada, qed jinkiseb pass importanti ieħor lejn sistema tas-saħħa aktar moderna, inklussiva u effiċjenti. B’approċċ qrib in-nies, faċilitajiet moderni u tim ta’ professjonisti dedikati, iċ-Ċentru Ċensu Moran qed jerfa’ rwol essenzjali biex il-pazjent dejjem ikun fiċ-ċentru ta’ kollox.
Il-filosofija wara ċ-Ċentru Ċensu Moran hija waħda ta’ deċentralizzazzjoni tas-servizzi tas-saħħa, flimkien ma’ sforz kontinwu biex kemm jista’ jkun jonqsu il-listi ta’ stennija.
Sforzi oħra favur aktar effiċjenza fis-servizz tas-saħħa
Inizjattiva oħra li ħa l-Ministeru tas-Saħħa biex inaqqas il-piż fuq is-servizzi tas-saħħa b’mod speċjali, l-isptar Mater Dei kien l-introduzzjoni tal-helpline 1400. Dan in-numru disponibbli 24/7, bil-għan li pazjenti li jiġu bżonn assistenza medika urġenti li mhux ta’ emerġenza, jużaw dan in-numru biex jingħataw gwida fejn l-aħjar jingħataw l-aħjar kura, qrib ta’ darhom u fl-inqas ħin possibbli. Kull min għandu bejn 16 u 69 sena, jista’ jagħmel użu mill-helpline 1400 fejn issirlu dijanjosi minn professjonisti u jiġi ggwidat fejn l-aħjar jingħata l-kura meħtieġa.
Din l-inizjattiva kienet qed timxi id f’id ma’ inizjattivi oħra fejn professjonisti mill-isptar bdew jirreferu pazjenti għal sptarijiet privati bil-pazjent jinqeda f’inqas ħin.
Dawn l-inizjattivi kollha qed jimxu id f’id, lejn għan wieħed biex il-pazjent jirċievi l-aqwa servizz, fl-inqas ħin possibli u bl-aħjar mod.