Il-promozzjoni ta’ soċjetajiet inklussivi għall-persuni b’diżabilità, għall-avvanz tal-progress soċjali hija t-tema magħżula mill-Ġnus Magħquda għall-Jum Dinji tal-2025 dwar id-Diżabilità.
Il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat ilu snin jimmilita għal dan il-għan u għas-sena d-dieħla, se jkompli jagħmel dan bl-ikbar budget li qatt kellu s-settur bin-nefqa ta’ €68.9 miljun.
Biex timmarka din il-ġurnata, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia bdiet il-ġimgħa billi żaret residenza li tinsab fi Triq Mary Carter fil-Fgura, fejn bħalissa jgħixu tliet nisa b’diżabilità bl-appoġġ t’Aġenzija Sapport u tas-Support Workers. Din ir-residenza hija eżempju ċar ta’ kif il-koproduzzjoni, l-appoġġ individwalizzat u l-promozzjoni tal-ħajja indipendenti jistgħu jagħtu bidla pożittiva fil-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’diżabilità. Fil-ġimgħa dedikata għad-diżabbiltà, l-artista Maltija Julienne Marie Brincat iddisinjat prodott speċifikament biex jiċċelebra l-indipendenza ta’ dawn it-tliet persuni b’diżabilità, u dawn kienu preżentati b’din it-tifkira bħala ġieħ għall-kisbiet u r-rwol attiv tagħhom fil-komunità.
It-tliet residenti, Maryanne, Yvette u Shania, għandhom bżonnijiet u interessi differenti, iżda minkejja dan, jikkumplimentaw lil xulxin b’mod naturali u jikkollaboraw biex jieħdu deċiżjonijiet dwar ħajjithom ta’ kuljum. Il-mudell tar-residenza jħeġġeġ l-awtonomija personali u r-responsabbiltà fil-prattika, filwaqt li joffri l-appoġġ meħtieġ skont il-bżonn ta’ kull individwu.
Waqt iż-żjara, il-Ministru Julia Farrugia spjegat, “Se nkomplu niksbu soċjetà inklussiva, permezz ta’ żieda wkoll fl-ammont ta’ benefiċċju għad-diżabilità. Apparti li żdiedu l-ammonti, għal nefqa totali ta’ €45.5 miljun, twessgħet il-firxa ta’ min hu eliġibbli, permezz ta’ emendi legali u riforma fejn l-assessjar issa jsir minn panels multi-dixxiplinarji. Soċjetà inklussiva, fejn inkomplu nagħtu prijorità lill-għajxien indipendenti, b’żieda oħra kbira fin-nefqa għall-inizjattivi mħaddma mill-Aġenzija Sapport. €5.7 miljun f’inizjattivi għas-sena d-dieħla, wara li rajna lil Malta tiġi t-tieni fl-Unjoni Ewropea, fl-aħħar rapport annwali tal-European Network on Independent Living.”
Oliver Scicluna, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, aċċenna fuq kif kull persuna b’diżabilità għandha livell ta’ sapport u bżonnijiet differenti, u kif dan hu rifless fil-pjan individwalizzat li jinħoloq għal kull persuna. Dan il-pjan jgħin sabiex il-persuni jkunu jistgħu jsaħħu l-abbiltajiet ta’ għajxien indipendenti tagħhom, li hu kruċjali għad-dinjità ta’ kull persuna – waħda mill-punti prinċipali tat-tema tal-Jum Internazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità ta’ din is-sena. Jibni fuq dan l-ispunt, spjega kif l-Aġenzija qed tisħaq u tiffoka fuq il-koproduzzjoni fejn persuni jkunu involuti fid-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lilhom, u lil hinn minn dan, fuq is-servizz ta’ tranżizzjoni li qed iwassal persuni b’diżabilità sabiex ikollhom l-għażla u l-kapaċità li jgħixu fejn u ma’ min jridu, fil-komunità.
L-Aġenzija kompliet tibni fuq programmi bħal Sharing Lives, My Programme u l-iskema Empowerment, li għaliha n-nefqa tilħaq kważi miljun ewro. Żieda fir-respite biex ġew koperti partijiet differenti tal-gżejjer tagħna, u għall-ewwel darba faċilitajiet biex iwieżnu t-tranżizzjoni minn istituzzjoni għal għajxien fil-komunità.
Dwar din ir-residenza fil-Fgura, il-Ministru Julia Farrugia kompliet tispjega kif “Dan il-proġett jixhed x’jista’ jiġri fil-prattika meta nagħtu ċ-ċans lil persuni b’diżabilità jgħixu ħajja verament parti mill-komunità. Din ir-residenza fil-Fgura hija eżempju ċar ta’ kif dan l-appoġġ u l-opportunitajiet tajbin jistgħu jagħmlu differenza kbira fil-ħajja tan-nies. Il-Gvern jibqa’ kommess li jkompli jsaħħaħ dawn is-servizzi, għaliex nemmnu li kull persuna għandha d-dritt tgħix b’dinjità, tagħżel hi għal ħajjitha u tieħu sehem sħiħ fis-soċjetà tagħna.”
Hija tenniet l-impenn tal-Gvern li jimxi lejn sistema ta’ budgets personali, skont riforma li tnediet fl-2023, fejn se tkun qed tiġi wkoll mħabbra konsultazzjoni pubblika fuq ligijiet dwar il-Bord għall-budgets personali, u d-dritt speċifiku għall-assistenza personali, fejn hemm nefqa ta’ €3 miljun.
Fissret kif il-Gvern kompla jimplimenta l-Istrateġiji Nazzjonali tad-Diżabilità u tal-Awtiżmu adottati fl-2021, b’inizjattivi fuq livell lokali u internazzjonali. L-aċċess għall-ġustizzja baqa’ prijorità. Bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja, esperti tal-UE, l-OECD u l-Università ta’ Galway, tnieda djalogu nazzjonali mal-ġudikatura u s-soċjetà ċivili biex jimxu r-riformi meħtieġa. Tħabbru żewġ liġijiet kruċjali: l-Att dwar l-Awtonomija Personali, li jpoġġi lil Malta fost il-mexxejja Ewropej fis-supported decision-making, u l-Att għall-Protezzjoni ta’ Adulti f’Sitwazzjonijiet ta’ Vulnerabbiltà, li jsaħħaħ il-protezzjoni kontra l-abbuż u jintroduċi reġistru għall-offenders.
L-għarfien u t-taħriġ kienu elementi ċentrali. Bl-għajnuna tal-AX Foundation, tnieda l-ewwel programm nazzjonali dwar in-newrodiverġenza għal min iħaddem u ħaddiema tas-settur. Permezz ta’ fondi Erasmus+ ta’ €250,000, qed jitħarrġu wkoll persuni b’diżabilità permezz ta’ sistema ta’ train-the-trainer, marbuta mal-proġett SkillUP.
Kwart ta’ miljun ewro oħra marru għall-proġett ACTIVATE, l-ewwel wieħed fl-UE li jħarreġ żgħażagħ awtistiċi bħala self-advocates.
Fuq il-livell tal-inklużjoni lingwistika, il-Parlament adotta liġi biex jibdew jinħarġu reġistrazzjonijiet u warrants għall-interpreti tal-Lingwa tas-Sinjali, wara investiment fil-kors tal-Università ta’ Malta.
Il-Ministru Julia Farrugia kkonkludiet iż-żjara billi qalet kif “Dan il-progress jikseb tifsira aktar profonda hekk kif niċċelebraw il-Jum Dinji tad-Diżabilità, nhar l-Erbgħa li ġej. Huwa mument li jfakkarna li l-inklużjoni mhijiex slogan, imma impenn konkret biex kulħadd jgħix b’dinjità u b’drittijiet sħaħ.”


