Il-Qorti ntalbet tordna lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sabiex jesebixxi dokument dwar it-tfittxija tal-Interpol għall-espert ewlieni fl-inkjesta Vitals, Jeremy Harbinson, illi ilu għandu ġimgħat sħaħ u li l-avukati tad-difiża għad m’għandhomx kopja tiegħu. Din it-talba saret mill-Avukat Vincent Galea li qed jidher għall-eks Prim Ministru Joseph Muscat meta quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco komplew il-proċeduri fil-Qorti b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet.
F’seduta tal-Qorti x-xahar li għadda, uffiċjal tal-Pulizija kien xehed li kien hemm korrispondenza mal-awtoritajiet tar-Renju Unit dwar informazzjoni fuq Harbinson. Skont din ix-xhieda, il-Pulizija Maltija ngħatat tweġiba iżda ma tistax tippreżentaha fil-Qorti għaliex ma hemmx awtorizzazzjoni min-naħa tar-Renju Unit.
Kummiedja li trid tieqaf
L-avukat Galea qal li fi proċeduri oħra ftit tal-jiem ilu sar magħruf li l-pulizija baqgħet ma sabitx fejn jinsab Harbinson. Saħaq li l-fatt li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed jibqa’ jinsisti li jagħmel ittri rogatorji ġodda biex iġib informazzjoni li diġà għandu, għandu l-iskop biss li jtawwal il-proċeduri għal mill-inqas sitt xhur oħra.
“Din il-kummiedja jinħtieġ li tieqaf”, saħaq l-avukat Galea, “għaliex bil-mod kif qed jimxu l-affarijiet, se jkomplu jinkisru d-drittijiet fundamentali tal-akkużati għal smiegħ xieraq.” Il-Qorti ma tistax tibqa’ jdejha marbuta minħabba l-fatt li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jrid jibqa’ jtawwal. Żied li jekk hemm bżonn għandha tkun il-Qorti Kostitizzjonali li ġġiegħel lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sabiex jagħlaq il-provi f’terminu ta’ żmien u ma jibqax jinħela l-ħin, għaliex kull Qorti għandha timxi fl-ambitu tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali.
Hawnhekk l-avukat Galea rrefera għad-dokument li biex isir pubbliku qed jintqal li hemm bzonn tal-awtorizazzjoni mir-Renju Unit. Fis-seduta tal-bieraħ sar maghruf li f’dan id-dokument intalbet informazzjoni dwar isem Harbinson, id-data tat-twelid, l-indirizz tiegħu u fejn jinstab. L-avukat Galea qal li dan id-dokument jinsab ghand il-prosekuzzjoni kif ikkonfermaw il-Pulizija fl-aħħar seduta tal-Qorti.
Saħaq li rrilevanti mill-permessi tal-Ingliżi, ladarba dan id-dokument jinsab f’Malta ma jistax jibqa trattat qiesu sigriet, u l-Qorti għandha tordna li d-difiża jkollha hija wkoll aċċess għal dan id-dokument. Dan huwa dritt fundamentali tal-ugwaljanza. L-avukat Galea qal ukoll li skont il-kodiċi kriminali ta’ pajjiżna, dan id-dokument ma jikkwalifikax bħala dokument ipprivileġġjat.
Ksur tad-drittijiet tal-akkużati
L-Avukat il-Professur Stefano Filetti qal li l-Qorti se tidħol għal spiża ta’ terz ta’ miljun ewro sabiex trendi aċċessibli provi li kellhom ikunu accessibli sa mill-mument li ġew ippreżentati mill-prosekuzzjoni. Żied li huwa Jeremy Harbinson li bħala l-investigatur prinċipali jrid jgħid liema informazzjoni użaha fl-investigazzjoni tiegħu u liema kienet rilevanti għall-konkluzjonijiet tiegħu.
“Il-prosekuzzjoni mhux biss ma tafx twieġeb ghal dawn id-domandi iżda lanqas biss hija kapaċi tressaq lil Harbinson. Minflok il-Qorti qed tkun ippreżentata b’miljuni ta’ dokumenti li ħadd ma jaf x’rilevanza għandhom u qed jibqa’ jinkiser id-dritt tal-akkużati ghal smiegh xieraq,” saħaq il-Professur Filetti.
L-avukatessa Gianella De Marco irreferiet għal sentenza mogħtija mill-eks Imħallef Toni Abela li kien qal li l-Qorti tal-Magistrati għandha dover tara li l-Prosekuzzjoni ma ttawwalx għalxejn.


