Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-karate?
Missieri, James Galea, kien fetaħ l-Mġarr Karate Club lura fi Frar tal-1999 fejn kien jgħallem il-karate fil-garaxx tagħna u jien twelidt xahar wara fl-24 ta’ Marzu. Minn mindu twelidt dejjem kont fl-ambjent tal-Karate u tad-dojo, tant li atleti t’20 sena ilu (li illum il-ġurnata huma Senseis/Kowċis) jiftakruni niġri bil-ħarqa fid-dojo!
Jiena bdejt nipprattika l-Karate meta kelli madwar erba’ snin u għadni nittrenja sal-lum il- ġurnata ta’ 26 sena. L-imħabba tiegħi għall-Karate ġiet b’mod naturali mill-ambjent li twelidt fih fejn missieri għadu jittrenja l-Karate sal-preżent u ommi u oħti kienu involuti wkoll f’dan l-isport.
Illum il-ġurnata, jien immexxi u nieħu ħsieb l-Mgarr Karate Club kif ukoll ngħallem flimkien mal-partner tiegħi Kelsey u sħabi Gabriel, Benjamin u Ria. Apparti minn hekk għadni atleta attiv f’livell internazzjonali u nittrenja prattikament kuljum, tant li l-attivitá fiżika kbirt fiha u saret parti integrali minn ħajti.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq is-suċċess li ksibt permezz tar-rebħ tal-midalja tad-deheb fil-Karate Kumite fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2025 f’Andorra? Kif preparajt għal da nil-Logħob?
Il-preparazzjoni għal dan il-Logħob kienet ilha ġejja fuq dawn l-aħħar sentejn hekk kif ħarġet l-aħbar li l-Karate kien se jkun inkluż fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar ġewwa Andorra. It-taħriġ xorta waħda baqa’ għaddej, peró hekk kellna skop f’moħħna li riedna naslu għal dan il-Logħob u nġibu r-riżultat tant mistenni u memorabbli. Il- preparazzjoni involviet kemm aspetti fiżiċi u tekniċi, kif ukoll mentali, biex nidħlu preparati kemm jista’ jkun bis-saħħa tat-tim kollu li kelli madwari.
Din il-midalja tad-deheb hija l-frott tal-ħafna xogħol, ħidma u sagrifiċċju li għamilna tul dawn l-aħħar sentejn, inkluż intoppi ta’ injuries (‘concussion’, ‘thumb ligament tear’ u mnieħer miksur) li jtellfuk sinjifikament mill-‘build up’ li wieħed ikun qed jagħmel. Din il-midalja tibqa’ waħda miktuba b’ittri tad-deheb fl-istorja tal-Karate f’Malta, speċjalment għall-fatt li kienet l-ewwel midalja tad-deheb fil-qasam tal-Kumite f’dawn il-Logħob li għall-ewwel darba daħal il-Karate. Bla dubju, huwa wieħed mill-‘highlights’ ewlenin li ħa nibqa’ niftakar f’ħajti!
Kif tqis il-livell tal-karate f’pajjiżna fil-preżent?
Nemmen li bħala organizzazzjoni, il-Malta Karate Federation (MKF), żiedet il-livell tekniku fl- aspetti kompetittivi b’mod sinjifikanti – kemm fil-‘Kata’ u anke fil-‘Kumite’, fejn għandna Senseis fuq iż-żewġ aspetti li qed jimbuttawna ‘l quddiem biex nitjiebu fuq diversi livelli. Anke mill-aspett ta’ kompetizzjonijiet lokali għall-atleti li għadhom telghin, kif ukoll seminars ma’ Senseis barranin, flimkien mal-Kumitat u r-Refereeing Commission fejn kulħadd jagħmel l-almu tiegħu kollu biex itejbu l-Karate ġewwa Malta.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Bħala ‘dojos’ fejn nittrenjaw, huma tajbin u adekwati għall-Karate, anke mill-aspett ta’ organizzazzjoni għall-kompetizzjonijiet eċċ. Nemmen li l-Malta Karate Federation (MKF) għandha livell tajjeb b’attitudni persistenti fejn dejjem jippruvaw itejbu l-għaqda nnifisha, kif ukoll il-Karate f’Malta u l-atleti preżenti.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-karate?
Nemmen li għad fadalli bosta snin tajbin quddiemi fejn nibqa’ nikkompeti f’livell internazzjonli u niksbu riżultati pożittivi oħra għal pajjiżna. Dan filwaqt li nimmiraw ukoll għall-2029 meta l-Karate għandu jerġa’ jidħol fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar ġewwa l-Lussemburgu. Apparti minn hekk, inkompli ngħallem il-Karate lill-istudenti tiegħi ġewwa l-iMġarr fejn ilni mmexxi u nieħu ħsieb l-Mgarr Karate Club għal dawn l-aħħar ħames snin flimkien mal-partner tiegħi, Kelsey, u sħabi Gabriel, Benjamin u Ria.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-karate.
Bħal kwalunkwe sport ieħor, biex tilħaq ċertu livell fil-karate, it-triq hija waħda twila, mimlija xogħol u sagrifiċċju, iżda jekk hija x-xewqa tal-individwu, hija triq li tagħtik ħafna sodisfazzjon meta tikseb ir-riżultati li tant tkun ħdimt għalihom! Ibqa’ moħħok hemm, stinka, aħdem bil-grinta, ippersisti, żomm saqajk mal-art ħalli tibqa’ umli u ftakar minn fejn bdejt. Dawn huma kollha karatteristiċi li jekk wieħed iħaddanhom, huma ta’ gwadann għalih personali biex jilħaq is-suċċess li jixtieq, kemm fil-karate u anke f’diversi oqsma oħra tal-ħajja!