Saturday, November 23, 2024

Din is-sena feġġew 78 każ ġdid ta’ HIV

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Matul din is-sena feġġew 78 każ ġdid ta’ HIV f’pajjiżna b’wieħed minnhom jiżviluppa f’AIDS.

Kienet il-Malta Gay Rights Movement (MGRM) li fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-AIDS innutat kif minkejja li naqsu t-testijiet il-każijiet ġodda baqgħu relattivament għolja.

Waqt li semmiet kif bħalissa iktar iffukati fuq il-Covid19 l-MGRM iddeskriviet l-HIV u l-AIDS bħala pandemija globali oħra li kemm ilha li feġġet fid-dinja qatlet 33 miljun persuna b’690,000 fl-2019.

“Issa li kważi għaddew 40 sena mindu kienet dikjarata bħala epidemja globali l-HIV għadha qed taħsad il-ħajjiet anke f’Malta”.

L-MGRM irreferiet għas-sitwazzjoni lokali fejn insistiet li għandhom jissaħħu tliet pilastri: l-aċċess għat-testijiet fil-GU Clinic, l-assikurazzjoni li l-pazjenti jingħataw trattatment modern u effettiv kif ukoll li t-trattament ta’ prevenzjoni jingħata mingħajr dewmien.

Kien hawn li irrimarkat li għalkemm Malta qed issaħħaħ dawn it-tliet pilastri hemm xi ħaġa li mhix tiffunzjona sew hekk kif minkejja inqas testijiet il-każijiet ġodda baqgħu għoljin.

L-MGRM appellat issa li l-pandemija tinsab riesqa lejn tmiemha l-awtoritajiet jagħmlu pjan kif it-testijiet jerġgħu jissuktaw b’mod regolari.

Hija esprimiet is-sodisfazzjon li waslet il-mediċina ġdida li se tieħu post dawk antiki u saħqet li anke hawn għandna nagħmlu pjan biex niffukaw fuq l-HIV.

L-MGRM insistiet ukoll li t-trattament ikun disponibbli għal dawk li jifilħu l-inqas u semmiet kif il-pillola PrEP, li tnaqqas it-trażmissjoni tal-virus b’99%, illum tiswa mas-€57 fix-xahar.

Sport