Monday, September 1, 2025

‘Din is-sena hija sena speċjali għall-kamp tal-waterpolo u għall-ASA … allura tagħmilha aktar speċjali li rbaħna ż-żewġ Tazzi’ – Victor Fenech

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

Il-waterpolo sirt naf bih meta ġejt mill-Awstralja, fejn hemmhekk kont nilgħab rugby u cricket. Kelli 13-il sena meta kont qiegħed ħdejn il-pitch ta’ Marsaxlokk ASC naqbad il-gambli bil-kop biex nistad u rani Ġużeppi Grech u staqsieni jekk nafx ngħum … kif għidtlu iva fil-pront qalli ejja inżel ħa tilgħab. Lanqas kont naf naqbad il-ballun imma mill-ewwel drajt.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq ir-rebħ tad-Double permezz tar-Rebh tal-Kampjonat u n-Knock-Out minn Marsaxlokk ASC, wara li kontu diġá għamiltu dan lura fl-2016?

Din is-sena hija sena speċjali għall-kamp tal-waterpolo Malti u għall-ASA peressli hija s- Sena Ċentinarja li tiġi darba kull 100 sena, allura tagħmilha aktar speċjali li rbaħna ż- żewġ Tazzi – Kampjonat u Knock-out mingħajr ma nitilfu logħba waħda u rrid inżid li ma tlifniex fil-Kampjonat fis-sena 2024 … allura għamilna 26 logħba bla telfa . 

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala president ta’ Marsaxlokk ASC.

Ir-rwol tiegħi bħala president ta’ Marsaxlokk ASC jagħtini ħafna sodisfazzjon li nara l-klabb tagħna miexi fid-direzzjoni ta’ suċċessi u nżomm ħaj klabb li kien għalaq għal ftit fis-sena 2009/2010. Ovvjament bis-saħħa ta’ sħabi fil-kumitat speċjalment Gino Seychell, qed nagħmlu xogħol volontarju biex nibqgħu għaddejjin. Il-klabb fih ħafna u ħafna xogħol minn wara l-kwinti u dawk huma l-ġranet ta’ sfida għalina. Aħna mhux tim tal-waterpolo biss għandna imma għandna skola tal-għawm li noperaw sajf u xitwa. Barra minn hekk ħafna xogħol amministrattiv hemmhekk jidħlu Lucienne Seychell, Miriam Camilleri, Clara Curmi u s-Sindku ta’ Marsaxlokk, Steven Grech li fil-passat kien plejer ukoll. 

Kif tqis il-livell tar-riżorsi (pixxini) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?

Bħalissa aħna fis-sajf nittrenjaw fil-pitch tan-Neptunes peressli aħna għandna ġemellaġġ magħhom fejn plejers żgħażagħ minn 14-il sena ‘il fuq jilagħbu u jieħdu esperjenza magħna u fis sajf, l-iskola tal-għawm tagħna nużaw il-baħar biswit il-pitch fejn huwa protett bil-‘booms net’ li żżomm ‘il bogħod il-bram u l-‘pollution’.  

Proprju, fi ftit ġranet oħra se ssir konferenza stampa fejn se jiġi varat il-proġett ta’ Kumpless Sportiv bil-pixxina b’ilma ħelu msaħħna grazzi għall-Gvern u l-Ministeru tal-Infrastruttura  li jaqa’ taħt Dr Chris Bonett. 

Tħoss li hawn biżżejjed kuxjenza rigward il-waterpolo f’Malta u Għawdex?

Iva, peró dejjem jista’ jkun hemm aktar għajnuna peressli l-waterpolo qed jagħti riżultati u unuri f’isem Malta. Il-Gvern qed jinvesti ħafna f’dan ir-rigward. Pixxini msaħħna, tal-Kottonera, ta’ Għawdex, ta’ San Pawl il-Baħar u issa se jibdew ta’ Marsaxlokk u dalwaqt ta’ San Ġiljan u Birzebbugia. Dan juri li hemm bażi soda. SportMalta, is sinsla tal-isport Malti qed tgħin ħafna fil-waterpolo u l-ASA qed iġibu f’Malta tournaments ta’ klassi, saħansittra ċ-Champions League għal tliet snin infila u Kampjonati Ewropej fuq skala nazzjonali, grazzi għall-president Karl Izzo li jaħdem ħafna biex itejjeb il-waterpolo inġenerali kemm lokali u anke internazzjonali.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-amministrazzjoni tal-waterpolo?

Jien issa qed nikber. Ilni 14-il sena president ta’ Marsaxlokk ASC u nibqa’ naħdem sakemm nibqa’ b’ saħħti. Għalija l-waterpolo huwa stil ta’ ħajja. Għall-grazzja t’Alla għandi kumitat li huma l-maħbubin tiegħi, il-partner tiegħi Claire u sħabi Gino, Lucienne, Steven, Miriam u Patrick u ma nistax ma nsemmiex lil Rainer Scerri li huwa ħabib kbir tiegħi u persuna strumentali biex il-klabb jibqa’ għaddej. U minn hawn nirringrazzja lil kull wieħed u waħda minnhom tal-fiduċja tagħhom fija.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.

Dedikazzjoni u dixxiplina u ma’ min tagħmilha huma għalija importanti ħafna biex tirnexxi. Trid tkun dedikat biex tittrenja dan l-isport iebes ħafna, ikollok dixxiplina miegħek nnifsek, tara x’tiekol, x’tixrob u tiddedika ħin għas-serħan. U agħżel ma’ min se tieħu t-taħriġ bħala klabb, kowċ u plejers li għamluha qablek … u dejjem emmen fik nnifsek!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport