Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet meta kont għadni tifel żgħir, fil-fatt, lgħabt għall-klabb fil-livell taż-żgħażagħ u tal-kbar fejn umbad waqaft meta kelli injury kbira, niftakar iż-żminijiet tat-taħriġ konna mmorru nitħarrġu taħt l-14 u taħt is-16-il sena fejn illum hemm il-grawnd tal-Fgura. Fiż-żminijiet ta’ qabel sa taħt is-16-il sena konna nitħarrġu taħt il-Cospicua Rangers imbagħad awtomatikament għall-minors u s-seniors konna nsiru plejers ta’ St George’s, li mhux il-każ illum, illum kemm it-tfal u anke l-kbar jirrapreżentaw kollha l-arma ta’ St George’s.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala president ta’ St George’s FC.
Min jara l-klabb minn barra u nifhem li jfittex biss ir-riżultati, imma klabb imur lil hinn minn hekk, illum nistgħu ngħidu li mix-xejn irnexxielna nistabilixxu nursery li għandha minn taħt it-8 snin sat-timijiet taż-żgħażagħ irnexxielna wkoll noħolqu l-iskwadri femminili taħt it-13 u taħt is-16-il sena, ukoll din is-sena se jkollna t-tim femminili tal-futsal, u dan is-sajf ikkompetejna fil-beach soccer li rnexxielna nġibu t-trofew lill-klabb, grazzi lil dawk kollha involuti li ħadmu bla heda. Dan sar b’ħafna xogħol wara l-kwinti. L-ewwel irridu nistabbilixxu struttura b’saħħitha imbagħad nistgħu nimxu ‘l quddiem għal affarijiet akbar. Irnexxielna wkoll naħdmu fuq l-infrastruttura.
Pereżempju, din is-sena bl-għajnuna tal-Ministeru tal-Isport u l-Edukazzjoni Dr Clifton Grima u l-involviment tal-Onor. Glenn Bedingfield se jkollna kmamar fejn ibidlu u ghall uzu iehor adatti u ħafna aktar fiż-żona tal-grawnd fejn nitħarrġu. Bl-għajnuna wkoll tal-kunsill lokali, speċjalment is-Sindku, Marco Agius, il-kunsilliera Martin Vella li huwa responsabbli mill-Isport u l-kunsilliera kollha, irnexxielna nassiguraw pitch ta’ 5-a-side li nistgħu nużaw għall-ġbir ta’ fondi u wkoll għat-taħriġ tat-tfal.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda, u kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?
L-istaġun li għadda l-għan tagħna kien li nilħqu l-playoffs u rnexxielna nagħmlu dan, din is-sena jaħbat l-135 anniversarju tagħna mill-bidu tal-klabb, għalhekk se jkun staġun li se nkunu qed nimbuttaw ftit aktar mill-istaġun ta’ qabel.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-livell tal-futbol Malti huwa dak li hu, minn pajjiżi oħra għadna lura ħafna u dan ġej mir-riżorsi li għandna, il-klabbs hawn mhumiex awtosostenibbli, irridu niftakru li l-plejers tagħna l-biċċa l-kbira minnhom huma dilettanti fis-sens tal-logħob peress li ħafna minnhom jaħdmu u wara jkollhom bżonn jiġu jitħarrġu.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Fil-grawnd tal-futbol m’għandna l-ebda problema peress li għandna grawnd sħiħ disponibbli u nużawh għas-sezzjonijiet kollha, u issa wkoll kif għidt qabel għandna grawnd tal-5-a-side, u wkoll kif għidt qabel minn din is-sena se jkollna dressing rooms u showers ġodda flimkien ma’ uffiċċji. Ħafna drabi ‘recovery sessions’ nibgħatuhom għal sessjonijiet f’set-up professjonali ħafna il-YUE. Nirringrazzjaw lill-istaff u l-maniġment kollu tal-professjonaliżmu tagħhom.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-amministrazzjoni tal-futbol?
Ħa ngħidlek, din il-pożizzjoni ġġiblek ħafna responsabbiltà u ħafna ħin ‘il bogħod mill-familja tiegħek, imma xi kultant tħares lura u ssib ħafna li jissodisfawk, għalkemm fl-aħħar sentejn ma kontx il-president, din is-sena erġajt tpoġġejt president u rnexxieli niġi elett fl-eżekuttiv tal-MFA biex nirrappreżenta l-kampjonat tad-dilettanti bħala viċi-president. Il-futur min rah?!
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Jekk toħlom li tikseb suċċess fil-futbol, kun lest għad-dedikazzjoni u s-sagrifiċċju. Bħal kull sport, it-triq lejn il-kobor teħtieġ li tirrinunzja għal ċerti kumditajiet u konvenjenzi. Hawn huma ftit tfakkiriet ewlenin fil-vjaġġ tiegħek:
Impenja ruħek għat-taħriġ Irrispettivament mit-temp jew kif tħossok, it-taħriġ tiegħek irid jiġi l-ewwel. Ix-xogħol iebes, il-konsistenza, u r-reżiljenza huma l-pedamenti tas-suċċess.
Ifhem li jista’ jkollok bżonn tabbanduna l-attivitajiet ta’ divertiment u tipprijoritizza l-passjoni tiegħek għal-logħba. L-impenn tiegħek se jiddistingwik.
Irrispetta lil Sħabek tat-Tim, Il-futbol huwa sport ta’ tim. Ibni relazzjonijiet b’saħħithom mal-kollegi tiegħek u ittrattahom b’rispett. Aħdmu flimkien, appoġġjaw lil xulxin, u ċċelebraw is-suċċessi ta’ xulxin.
Agħti Prijorità lill-Passjoni tiegħek għal-logħba, filwaqt li l-pussess materjali jew dak monetarju jista’ jkun sabiħ, ftakar li l-imħabba tiegħek għal-logħba trid tieħu preċedenza. Iffoka fuq it-titjib tal-ħiliet tiegħek, it-tagħlim, u t-tkabbir bħala plejer.
Is-suċċess fil-futbol ma jiġix mil-lum għal għada; huwa vjaġġ mimli tlugħ u nżul. Ibqa’ ffukat, ibqa’ umli, u żomm għajnejk fuq il-premju. Ix-xogħol iebes tiegħek illum se jwitti t-triq għar-rebħiet ta’ għada!
Emmen fik innifsek u kompli imbotta ‘l quddiem!