Monday, April 15, 2024

Din is-sena mas-7,000 tifel u tifla attendew SkolaSajf

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għaxar ġimgħat ta’ SkolaSajf 2020 ġew fi tmiemhom illum il-Ġimgħa, 4 ta’ Settembru, b’1,700 membru tal-istaff jieħdu ħsieb mas-7,000 tifel u tifla li applikaw għal din l-edizzjoni. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol iqis l-edizzjoni ta’ din is-sena bħala suċċess minn diversi aspetti.

Din is-sena, SkolaSajf fetħet il-bibien tagħha kważi ħmistax-il ġurnata iktar kmieni milli tiftaħ is-soltu. Dan kien possibbli wara diversi preparamenti li saru mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi biex toffri l-aħjar servizz għall-familji Maltin u Għawdxin.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici qal, “L-impenn muri minn dawk kollha li kienu involuti f’din l-edizzjoni kien wieħed impekkabbli, u saret ħidma kbira kemm fil-klassijiet, imma wkoll inżamm kuntatt regolari mat-tfal.”

Kien hemm 203 attività meħuda mill-programm uffiċjali li saru ma’ dawk li attendew, filwaqt li saru wkoll 288 sessjoni ta’ edukazzjoni fiżika fiċ-ċentri kollha mxerrda madwar il-pajjiż. Ittellgħu virtwalment mhux anqas minn 245 attivita’ oħra.

Din is-sena taw ukoll kontribut siewi 33 sħab ta’ SkolaSajf li bejniethom tellgħu wkoll madwar 129 sessjoni online.

Apparti mill-attivitajiet marbuta mat-tema ta’ din is-sena, ‘Id-Dinja tiegħi, id-Dar tiegħi’, SkolaSajf tellgħet ukoll 65 attività li permezz tagħhom inġabru flus li minnhom ibbenefikaw entitajiet varji, fosthom il-Malta Community Chest Fund.

Is-suċċess miksub din is-sena huwa rifless ukoll f’kuntest importanti. Tajjeb li jingħad li matul Skolasajf ma kien hemm ebda każ ta’ student jew edukatur li nfetta ruħu bil-COVID-19 mill-iskejjel. Dan juri l-mod rigoruż li bih dawk involuti mxew mal-linji gwida mogħtija mill-Awtoritajiet tas-Saħħa bħala prekawzjoni kontra t-tixrid tal-virus. Fil-fatt, meta f’okkażjonijiet individwali kien hemm edukatur jew student li nfetta ruħu bil-COVID-19 minn barra l-iskejjel, ittieħdu l-miżuri kollha minnufih, miżuri li ħadmu u kienu ta’ suċċess bil-koperazzjoni sħiħa tal-esperti tal-awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika.

“Nirringrazzja lid-diriġenti tal-Fondazzjoni, l-membri tal-istaff, l-imsieħba ta’ SkolaSajf, il-ġenituri u fuq kollox l-istudenti li b’ħidma kollettiva mexxew din l-edizzjoni għas-suċċess li kienet,” temm jgħid il-Ministru Owen Bonnici.

Il-Fondazzjoni ghas-Servizzi Edukattivi, bħal ma taghmel kull sena, issa se tkun qed toffri l-programm ‘Bridge Holidays’ sakemm jerġgħu jinfetħu l-iskejjel fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.

Ekonomija

Sport