Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
L-imħabba tiegħi lejn il-waterpolo bdiet ta’ etá żgħira fejn kelli biss għaxar snin. Minn mindu kont tarbija kont ixxurtjat li l-ġenituri tiegħi kienu jeħduni lezzjonijiet tal-għawn fejn din saħħet l-imħabba tiegħi f’dan il-qasam u wittiet it-triq għal dan l-isport. Jien kont nieħu sehem f’Time Trials tal-għawm ta’ etá żgħira u kont nikkompeti f’diversi kompetizzjonijiet. Dan kollu wassal biex nitħajjar nibda l-Waterpolo minħabba li kellu bażi ta’ għawm b’differenza li trid tadatta minn sport individwali għal team sport u minn hemm beda kollox. Minn dak iż-żmien ma ħaristx lura u komplejt nitħarreġ u nilgħab waterpolo għal dawn l-aħħar 17-il sena.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Exiles SC sa issa.
Nixtieq nibda billi nirringrazzja lit-tim kollu tal-Exiles, speċjalment lill-president Andrew Paris u lill-kowċ Niki Lanzon li fil-bidu tal-istaġun tawni l-opportunitá li ningħaqad magħhom u urew fiduċja u emmnu fija. Qabel ma ħadt id- deċiżjoni li ningħaqad ma’ Exiles, kien diáa kelli esperjenza li lgħabt magħhom Under 20, u komplejt nikkonferma kemm dan il-klabb huwa wieħed serju u determinat, bi prinċipji u organizzat b’għanijiet, pjanijiet u ideat għall-futur.
Bħala esperjenza dis-sena nemmen li għenitni nikber u ngħolli l-livell tiegħi bħala plejer kif ukoll inkompli nimmatura u nitgħallem il-logħba bis-saħħa tal-livell tat-tim li kont qed nitħarreġ miegħu. Mill-ewwel ġurnata li ngħaqadt ma’ Exiles kulħadd laqagħni u trattani bħala parti minn familja, u nixtieq nirringrazzjahom kollha li għamluli dan it-trasferiment faċli, speċjalment lill-captain Kurt Griscti u l-viċi-captain Alan Borg Cole, li kienu ta’ għajnuna kbira għalija. Nemmen li bħala tim, trenjajna u stinkajna ħafna speċjalment fil-fażi ta’ preparazzjoni, li għenu mhux ftit biex inkunu f’forma tajba u waqt il-logħob dejjem bqajna uniti u konna magħqudin biex negħlbu l-ostakli li ġew quddiemna.
Bħala plejer inħoss li kelli staġun ta’ suċċess fejn kont involut waqt il-logħob u għent u assistejt l-iskwadra mill-aħjar li stajt. Madankollu determinat li nibqa’ nagħti l-almu tiegħi kollu biex nibqa’ nirsisti u nikber bħala plejer biex inkun aħjar kemm fuq livell personali kif ukoll biex inkun ta’ għajnuna ikbar għall-iskwadra.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul il-Kampjonat tas-Sajf?
Din is-sena nemmen li kienet sena ta’ suċċess kbir għall-klabb ta’ Exiles kif ukoll għall-plejers kollha tal-iskwadra fejn kulħadd brilla u kellu prestazzjonijiet pożittivi ħafna. L-għan kien li jirnexxilna niksbu l-promozzjoni biex nilagħbu Premier avolja fil-bidu tas-sena kienet tidher diffiċli, speċjalment meta tara kemm bdew jarmaw l-avversarji tagħna. Madankollu mhux talli rnexxilna niksbu l-kwalifikazzjoni, iżda rbaħna wkoll il-Premier League Promotion Cup u lħaqna ilħhames post, b’sitt punti miksubin fil-Premier. Apparti minn hekk, irnexxielna nagħtu logħba iebsa lil kulħadd, speċjalment it-timijiet li jinsabu fil-quċċata tal-Kampjonat Premier fejn ksibna riżultati rispettabli ħafna u ħadd ma ħadna ‘for granted’.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Marsaskala ASC, u kemm tgħallimt minnha.
Inħoss li l-esperjenza tiegħi ma’ Marsaskala għenitni nkun il-plejer li jien illum wara bosta snin nilgħab u nitħarreġ mal-klabb. Il- fatt li għamilt sena bħala Captain għenitni wkoll inrabbi ċerta kunfidenza u livell ta’ maturitá u responsabbiltá fuq livell personali.
Kif tqis il-livell tal-waterpolo Malti fil-preżent?
Il-livell tal-waterpolo Malti jidher li qiegħed jogħla u jitjieb ferm, kemm bir-riżultati pożittivi li qed niksbu barra minn xtutna kif ukoll meta tibda tara plejers żgħażagħ ikunu jifformaw parti kruċjali minn skwadri tal-kbar ta’ etá żgħira. Iktar ma jgħaddi żmien iktar qed jissemma isem pajjiżna, Malta bis-saħħa tal-waterpolo fejn f’kull kategorija, age groups, nisa u t-tim nazzjonali tal-kbar qed jiksbu riżultati pożittivi ma’ timijiet kbar u jikkwalifikaw għal turnej Ewropej ta’ livell. Apparti min hekk, in-numru ta’ atleti li qed jitħarrġu u jikkompetu barra minn xtutna dejjem qed jikber, fejn insibu bosta plejers jilagħbu l-Italja, is-Serbja u anke ġo Spanja. B’hekk ikompli jidher il-livell ta’ professjonalitá f’dan il-qasam u assoċjazzjoni li jgħin u jagħti opportunitá lil bosta atleti.
U dak tar-riżorsi (pixxini) fejn tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?
Bħala riżorsi, nemmen li wara ħafna żmien, il-Waterpolo qed jiġi apprezzat u rikonoxxut iktar minn qabel, peró xorta mhux biżżejjed u għandhom ikomplu jsiru iktar żviluppi u investimenti f’riżorsi li jgħinu l-isport ikompli jimxi ‘l quddiem. Madankollu f’dawn l-aħħar snin ġew inawgurati pixxini ġodda li qed jintużaw għat-taħriġ fosthom il-Pixxina li nużaw l-Exiles li hija dik ta’ Birkirkara, kif ukoll il-Pixxina tal-Kottonera. Il-fatt li dawn li semmejt huma ‘indoor pools’ ikunu ta’ iktar kuraġġ għall-atleti kbar kif ukoll biex tattira żgħażagħ jitħarrġu f’temperaturi differenti speċjalment fil-kesħa tax-xitwa. Nemmen li proġetti bħalma saru tal-Malta College of Sport, fejn inbniet pixxina ġdida ta’ ċertu livell, tgħin timijiet biex ikunu jistgħu jiffukaw f’sezzjonijiet taż-żgħażagħ b’iktar opportunitá u kwalitá. Jiena nemmen li kull skwadra tal-waterpolo lokali għanda jkollha dawn il-premises biex ikunu jistgħu jgħollu l-livell tagħhom, jattiraw plejers mil-lokal u jiffurmaw nurseries b’saħħithom li jwasslu għal atleti ta’ livell fil-futur.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?
Jiena nemmen li fadalli x’nagħti f’dan l-isport bħala plejer u għad fadalli fejn nitjieb u ngħolli l-livell tiegħi fl-ilma. Jiena ninsab determinat biex inkompli nirsisti u nagħti l-massimu tiegħi. L-aspirazzjoni tiegħi kienet minn dejjem li nirbah il-Kampjonat u n-Knock-out tal-Premier Division. Apparti minn hekk, avolja inħobb nieħu l-affarjiet pass pass, ma neskludix li fil-futur wara li nirtira minn plejer inkompli f’dan il qasam bħala kowċ minħabba l-imħabba li għandi lejn l-isport li ġie jifforma parti mill-ħajja tiegħi.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.
L-iktar ħaġa importanti hija li ma taqta’ qalbek qatt, tibqa’ dejjem saqajk mal-art u tiffokka fuq l-isport. It-taħriġ m’hawnx isbaħ minnu għax ma ssibux biss fl-isport imma ssibu fil-ħajja ta’ kuljum. Apparti min hekk, jekk tkun tħobb l-isport tieħu pjaċir tmur għat-taħriġ u tkun anzjuż għal-loghob. B’hekk tibqa’ dejjem motivat biex titħarreġ u tikkompetti, u r-riżultati jiġu waħedhom!