Minn Cristian Muscat
Shaun Galea, aktar magħruf bħala “Brandsha” reġa kiteb l-istorja billi rebaħ it-titlu tal-Malta ePremier League għat-tielet sena konsekuttiva. Ir-rappreżentant ta’ Ħamrun Spartans, Brandsha ħareġ rebbieħ f’finali mimlija tensjoni kontra Matthias “Tubbi” Farrugia ta’ Melita, u għeleb l-avversarju tiegħu b’riżultat ta’ 7–6. Aktar minn hekk, f’dan il-kampjonat mingħajr telfa, fejn iddomina kemm fil-fażi tal-gruppi, kif ukoll il-play-offs.
Dan is-suċċess ġab miegħu l-premju ewlieni ta’ €5,000 mill-pool totali ta’ €10,000, kif ukoll post fil-play-in tal-eChampions League. Il-Malta ePremier League jibqa’ juri t-talent dejjem jikber fix-xena tal-esports lokali, u toffri lill-plejers opportunità biex jikkonkorru kemm fuq livell nazzjonali, kif ukoll dak internazzjonali. F’Mejju li għadda ħa sehem fl-eChampions League, waqt li f’Awwissu li ġej se jieħu sehem fil-Kampjonat tad-Dinja tal-esports f’Riyad.
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-esports?
L-imħabba tiegħi lejn l-esports bdiet meta ta’ seba’ snin, missieri kien jeħodni nikkompeti f’tournaments żgħar tal-‘Pro Evolution Soccer’. Tista’ tgħid li l-kompetizzjoni dejjem kienet fija. Iktar m’għadda ż-żmien l-opportunitajiet dejjem komplew jiżdiedu għalija!
X’tikkummenta fuq il-fatt li proprju fil-ġimgħat li għaddew, sirt iċ-champion nazzjonali tal-esports għat-tielet darba konsekuttiva?
Ninsab kuntent u kburi li rnexxieli nirbaħ dan il-kampjonat għat-tielet darba konsekuttiva mingħajr telfa. Dan il-kampjonat kien ferm itqal għalija minħabba l-fatt li kelli ostaklu personali li affettwani xi ftit jew wisq, personalment. Dan il-kampjonat iddedikajtu lil ommi li qiegħda taħt it-trattament tal-‘chemo’. Issa niffoka fuq l-‘eChampions League’ u l-‘Playins’.
F’Mejju li għadda ħadt sehem fl-eChampions League. Agħtina ikar dettalji.
Hekk hu! Fil-fatt, din il-kompetizzjoni kienet tinvolvi klabbs fl-Ewropa jikkompetu kontra xulxin. Dan kien maqsum fuq żewġ ġranet, fejn irnexxieli nikseb riżultat ta’ draw ma’ plejer li huwa ċ-champion tal-Portugall u tlift punti neċessarji. Fl-ewwel ġurnata ma ħassejtnix daqstant komdu minħabba l-fatt li biddilt il-formazzjoni minn dik li ssoltu nilgħabbiha. Dan filwaqt li fit-tieni ġurnata qlibt għal dik il-formazzjoni li nħossni komdu biha għalkemm xorta waħda kien ftit tard wisq, għalkemm irnexxieli niskeb riżultati u kelli wirja ħafna aħjar. Grazzi wkoll lil ħija li kien miegħi f’din l-avventura!
X’tikkummenta fuq l-unur li rbaħt tal-‘esports Player of the Year’, riċentement?
Ninsab kuntent u kburi b’dan l-unur tal-‘esports Player of the Year’ li ġiet organizzata għall-ewwel darba f’pajjiżna. Dan l-unur għalija huwa ta’ prestiġju minħabba l-fatt li d-dedikazzjoni li nuri kuljum ġiet apprezzata minn nies fl-esports.
Kif tiddeskrivi x-xena tal-esports f’Malta?
Ix-xena tal-esports f’pajjiżna speċjalment dik tal-FIFA, dejjem qed tiżdied, u meta tikkumparaha ma’ dik li kienet erba’ snin ilu, tara differenza enormi. Peró, aħna l-Maltin li nikkompetu f’tournaments internazzjonali insibu ruħna limitati minħabba li jkollna naħdmu xogħolijiet normali u ma nkunux ‘Full time’ fuqha bħall-plejers ta’ barra minn xtutna.
X’tikkummenta fuq min jgħid li l-esports ma jistax jitqies bħala sport?
Din l-istqarija toħloq ħafna opinjonijiet differenti u kemmxejn kontroversjali, peró, fl-opinjoni tiegħi, għandu jitqies bħala sport minħabba l-fatt li jinvolvi sagrifiċċji kbar, logħob mentali u dieta stretta. Simili tal-esport, iċ-chess huwa meqjus bħala sport fl-Olimpijadi, jiġifieri fil-fehma tiegħi ma narax għaliex l-esports m’għandux ikun meqjus hekk ukoll!
Għaliex għażilt proprju lil Hamrun Spartans biex tikkompeti magħhom?
Għażilt li nirrapreżenta lill-Ħamrun minħabba l-fatt li nammira l-Ħamrun fil-futbol reali, il-festa u t-tradizzjonijiet u anke meta kont żgħir, kont saħansitra nittrenja magħhom fin-nursery.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-esports?
Il-pjan għall-futur tiegħi huwa l-istess bħalma dejjem kien, nipprattika ma’ nies barranin, niddedika ħafna ħin lejn din il-ħaġa li tant inħobb u nara riżultati aħjar kemm fix-xena lokali kif ukoll dik internazzjonali. Dan filwaqt li f’Awwissu li ġej, għandi l-Kampjonat tad-Dinja tal-esports ġewwa Riyad, li hija l-ħolma ta’ kull player li jattendi u jikkompeti fih. Minn isem il-kompetizzjoni stess, din hija tal-istess livell u ta’ prestiġju ta’ dik kumparata tat-Tazza tad-Dinja tal-futbol vera. Qiegħed nipprepara flimkien mal-kowċ tiegħi li huwa eks plejer fil-Malta eLeague. Ninsab kuntent u qed inħares ‘il quddiem bi grinta ikbar minn qatt qabel. Din hija l-ħolma ta’ minn mindu kont żgħir … li nikkompeti fuq l-ikbar xenarju mal-aħjar plejers fid-dinja!
Għaddi messaġġ finali lil min bħalek jixtieq jibda jieħu bis-serjetà l-esports.
Il-messaġġ li dejjem nwassal lil min għadu jibda huwa dak li jekk l-esports jew il-gaming inġenerali huwa ħaġa li tħobb u tixtieq li tieħu dak il-pass ‘il quddiem, biex ma taqtax qalbek għalkemm forsi ssib ħafna ostakli fit-triq. Sena wara sena, l-esports dejjem se jkun qed jikber, jiġifieri jekk għadek ta’ etá żgħira, tinsab fil-vantaġġ u fit-triq it-tajba!