Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira ħafna. Id- dar dejjem kien ikun hemm il- logħob ghaddej fuq it-televixin, u kont inpoġġi ma’ missieri nsegwi kull partita. Barra minn hekk, fit-toroq mal-ħbieb kont inqatta’ sigħat nilgħab, u minn hemmhekk bdejt inħoss dik il-passjoni vera għal-logħba.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala Head Coach tal-Youths ta’ Floriana FC.
Din l-esperjenza bħala Head Coach tal-Youths ta’ Floriana FC qed inħares lejha b’entużjażmu kbir u rispett. Floriana huwa klabb bi storja kbira u tradizzjoni rikka fil-futbol Malti, u għalija hu unur li nkun parti minn din il-familja.
Għalija din mhijiex biss opportunità biex naħdem fuq it-tim taż-żgħażagħ, imma wkoll biex inkompli ngħin lill-klabb jibni futur b’saħħtu. Nemmen ħafna li l-iżvilupp sportiv f’din l-età huwa kruċjali, u għalhekk qed nagħti importanza kbira kemm lill-aspett tekniku-tattiku kif ukoll lill-valuri ta’ dixxiplina, ħidma f’tim u passjoni għal-logħba.
Iddeskrivi l-esperienza passata tiegħek fi ħdan in-Nursery ta’ Qormi FC, u kemm tgħallimt minnha.
L-esperjenza tiegħi fi ħdan Qormi FC kienet waħda tassew sinjifikanti għall-karriera tiegħi. Bdejt fin-nursery tal-klabb, imma wara li tlaqt u rritornajt, ħadt f’idejja l-iskwadra tal-kbar. Dak iż-żmien kien wieħed mill-aktar mumenti diffiċli fl-istorja tal-klabb, u għalija kienet sfida kbira ħafna. Fortunatament, kelli miegħi tim ta’ staff dedikat u lest jaħdem, kif ukoll grupp ta’ nies li tassew iħobbu lill-klabb u jagħtu kollox għalih. Flimkien bdejna nerġgħu nibnu l-klabb, staġun wara l-ieħor.
Prattikament bdejna kollox mill-bidu, fil-istaġun 23/24 irnexxielna niksbu t-tieni post fil-grupp tagħna fin-National Amateur League 1. Dak kien mument importanti għal Qormi FC kollu, għax minn hemm ergajna tfajna lil Qormi fuq il mappa tal futbol malti. Minn din l-esperjenza tgħallimt ħafna bħala kowċ: kemm dwar il-ħtieġa li tibqa’ paċenzjuż u temmen f dak li tkun qed taghmel, kif ukoll li ma taqtax qalbek meta l-affarijiet ikunu diffiċli. Fuq kollox, fehmt kemm hu essenzjali li jkollok nies leali u motivati ħdejk biex flimkien tagħmlu differenza.
Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?
Naħseb li l-livell tal-grassroots f’pajjiżna tjieb ħafna f’dawn l-aħħar snin. Dan l-iżvilupp huwa frott ukoll tal-edukazzjoni tal-kowċis u l-korsijiet li toffri l-MFA, li tawna għodod aħjar u għarfien aktar professjonali. Illum aħna ħafna aktar konxji tal-istadji ta’ żvilupp tat-tfal – kemm fiżikament kif ukoll mentalment – u kif għandna nadattaw it-taħriġ u l-esperjenza tagħhom skont l-età u l-bżonnijiet tagħhom. Dan hu pass kbir ’il quddiem għax il-grassroots hu l-pedament tal-futbol kollu. Madankollu, irridu nkunu onesti: għad għandna triq twila x’nagħmlu biex nasalna għal livelli ogħla u biex inkomplu nikkumparaw ruħna ma’ pajjiżi oħra. Hawnhekk tidħol mhux biss il-ħidma tal-kowċis, imma wkoll il-kontribut tal-klabbs, tal-ġenituri u tal-iskejjel sabiex flimkien noħolqu ambjent b’saħħtu u professjonali għal dawk kollha li jibdew il-vjaġġ tagħhom fil-futbol.
U dak tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Il-livell tal-futbol Malti illum huwa differenti ħafna minn kif kien ftit snin ilu. Nemmen li sar progress il quddiem, kemm mill-aspett tekniku kif ukoll mill-organizzazzjoni tal-klabbs. Rajna aktar professjonaliżmu, infrastruttura aħjar u aktar kowċis imħarrġa tajjeb.
Dan kollu qed iħalli l-frott, u prova ċara ta’ dan hija li din is-sena rajna għall-ewwel darba tim Malti jikkwalifika għall-fażi tal-gruppi tal-UEFA Conference League, mument storiku għall-futbol Malti.
Fl-istess ħin irridu nkunu konxji li għad hemm sfidi serji bhal il-bażi żgħira ta’ plejers Maltin li rridu nahdmu aktar biex ikolna players lokali ta kwalita, il-limitazzjonijiet finanzjarji u l-ħtieġa li nkomplu ntejbu l-faċilitajiet. Madankollu, jiena konvint li jekk nibqgħu naħdmu b’determinazzjoni u viżjoni ċara, nistgħu nkomplu ntejbu u nkunu aktar kompetittivi.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Fir-rigward tar-riżorsi u l-faċilitajiet fejn nitħarrġu u nilagħbu l-logħob kompetittiv tagħna, naħseb li fil-preżent il-livell huwa tajjeb. Għandna grawnds u infrastruttura aħjar minn qabel, li jippermettu taħriġ effettiv u logħob sigur. Madankollu, dejjem hemm post għal titjib, speċjalment fil-livell tal-grawnds u l-faċilitajiet għall-żgħażagħ. Xi klabbs għadhom qegħdin jitħabbtu biex joffru postijiet moderni u adegwati għall-kompetizzjoni, u hawnhekk naraw li investiment kontinwu fl-infrastruttura huwa kruċjali biex nkomplu ntejbu l-livell tal-futbol Malti.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?
Inħares lejn il-futur tiegħi fil-futbol b’ottimiżmu u determinazzjoni. Nixtieq inkompli nitgħallem, nieħu esperjenza ġdida u nara li jkolli impatt pożittiv, kemm fl-iżvilupp tal-plejers kif ukoll biex nikrejaw ambjent professjonali u motivanti fil-klabbs li nkun involut fihom.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Għal min jixtieq jagħmal karriera fil-futbol ngħidlu biex jaħdem iebes, ikun dedikat u dejjem lest biex jitgħallem minn kull esperjenza. Kun umli, għożż il-logħba u ħalli l-passjoni tiegħek timmotivak biex tagħmel differenza, kemm fit-tim tiegħek kif ukoll fil-komunità sportiva.