Tuesday, March 31, 2026

“Din l-esperjenza hija ħolma li dejjem xtaqt nagħmel f’ħajti … żgur li se tgħinni nkompli nikber fil-logħba tal-futbol” – Melania Bajada

Aqra wkoll

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Apparti li l-familja tieghi hi familja tal-futbol u naħseb ftit diffiċli li ma tkunx tħobb il-futbol, nemmen li ġo fija għandi passjoni kbira lejn il-logħba tal-futbol specjament il-kowċing. Meta kont żgħira kont nilgħab ħafna ma ħija d-dar u kont nammirah għad-dedikazzjoni li kellu tiela’ u nieżel Malta minn ta’ etá żgħira. Missieri kien fl-aħħar tal-karriera tiegħu u kemm in-nannu u anke z-zija kienu involuti mal-klabb tar-raħal ta’ Sannat Lions. Kont immur narahom jilagħbu kull nhar ta’ Ħadd u hemm bdejt nilgħab ta’ 12-il sena mat-tim tas-subien tal-U14. 

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala kowċ tat-tim nazzjonali Malti tan-Nisa ta’ taħt id-19-il sena?

Din l-esperjenza hija ħolma li dejjem xtaqt nagħmel f’ħajti … żgur li se tgħinni nkompli nikber fil-logħba tal-futbol. Se nagħmel l-almu tiegħi kollu biex ngħin lil dawn it-tfajliet jilħqu l-ħolma tagħhom. 

Iddeskrivi l-esperjenzi passati tiegħek bħala Kowċ ta’ Birkirkara FC fejn irbaħt kull unur possibbli u riċentement f’Għawdex ma’ Kercem Ajax u kemm tgħallimt minnhom.

Il-vjaġġ tiegħi tal-kowċing proprja beda 18-il sena ilu fejn bdejt nikkowċja timijiet ta’ tfajliet Ghawdex fejn ikkowċjajt kull kategorija. Kif ukoll hemm irbaħt il-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni kif ukoll kampjonat u KO mal-U17. Minn hemm ġietni l-oppotunita li ningħaqad mat-tim tal-kbar ta’ Birkirkara fejn inħossni ixxurtjata li ltqajt ma’ grupp ta’ plejers b’qalb kbira fejn hemm inħossni l-aktar li kbirt magħhom u bnejt jien min jien.

Kellna ħames snin sbieħ ħafna fejn minn 10 Tazzi rbaħna disgħa – u żgur hu żmien li se jibqa’ f’qalbi għal dejjem! Ħdimna ħafna wkoll fin-nursery u rnexxielna nibnu struttura tajba ħafna ghat-tfajliet. Dawn l-aħħar 3 snin għamilt xi ħaġa li kont għadni qatt ma għamilt fejn kont Headcoach tan-nursery tas-subien ma’ Kerċem Ajax fejn nemmen li hemm komplejt nsaħħaħ it-tagħlim tieghi fuq l-iżvilupp tal-plejers speċjalment fil-grassroots. Fejn hu topic li interessani ħafna u komplejt nitgħallem aktar fuqu hekk kif bħalissa qiegħda nagħmel il-liċenzja ‘UEFA A Elite’. 

Kif tqis il-livell tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna nemmen li għamel avvanz speċjalment in-Nazzjonal iżda l-Kampjonat naħseb irridu naħdmu aktar – tlifna ħafna żgħażagħ li nemmen li kienu ta’ potenzjal u t-timijiet naqsu. Min-naħa l-oħra, it-timijiet nemmen li kollha ssaħħew u għandhom staff aħjar. 

Kemm hu importanti s-settur tal-grassroots fil-futbol?

Bħalma diġá tkellimt qabel, mill-esperjenza ma’ Kercem Ajax komplejt insaħħaħ fehemti dwar kemm huma importanti l-grassroots mill-U7 sal-U13 fejn hemm huwa l-aktar żmien importanti biex tiffoka fuq l-individwu u toħroġlu l-massimu tal-potenzjal tiegħu. Importanti li l-aktar kowċis tekniċi u li jfittxu d-dettall ikunu ma’ dawn l-etajiet. 

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjizna fil-preżent?

Mentalitá sportiva f’dan il-pajjiż nemmen li hi ftit fqira sfortunatament. Dejjem inġibu skuzi fosthom għax aħna żgħar, flok nemmnu li nistgħu nkunu aħjar. Il-mentalitá hi l-aktar ħaġa importanti biex wieħed jasal allura importanti li nippruvaw noħolqu kulturá sportiva aħjar. 

Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?

Il-futur tiegħi fil-futbol hu żgur li nkompli ngħin biex insaħħu l-futbol f’Malta. Ma nafx x’opportunitajiet jistgħu jinqalgħu ‘l quddiem, iżda bħalissa niffoka fuq il-mument biex inkompli naħdem għall-futur ta’ dawn it-tfajliet. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Nixtieq inħeġġeġ lil dawk kollha li l-ħolma tagħom hi li jagħmlu karriera mill-futbol li ma jaqtgħux qalbhom, jemmnu u l-aktar ħaġa importanti hi li ma tiqafx titgħallem. Il-mument li tieqaf titgħallem tieqaf titjieb!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport