Friday, December 27, 2024

‘Din lil tagħha neħħiethom? Istħi’… kumment li juri kemm hawn min ma fehem xejn mid-diskussjoni li qed issir

- il-Ministru Miriam Dalli titkellem dwar l-emenda li tipproteġi saħħet l-omm f’każ ta’ kumplikazzjonijiet fit-tqala

Aqra wkoll

Fil-Parlament issoktat id-diskussjoni b’rabta mal-emenda mressqa mill-Gvern intiża li tħares saħħet l-omm f’każ ta’ kumplikazzjonijiet waqt it-tqala. Fost dawk li għamlu l-intervent tagħhom f’din id-diskussjoni kien hemm il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli.

Hija bdiet billi għamlet referenza għal kumment li rċeviet is-Sibt li għadda meta tkellmet fuq din l-emenda, li kien jgħid “din lil tagħha neħħiethom? Istħi”. Qalet li dan kien kumment li huwa xhieda ta’ kemm hawn min ma fehem xejn mid-diskussjoni li qed issir.

“F’din id-diskussjoni qed nitkellmu fuq nisa li t-tqala tagħhom kienet u hija mixtieqa, fuq nisa li riedu u jkunu jridu l-ulied iżda l-kumplikazzjonijet mediċi jkunu wasslu biex ħajjithom tkun qiegħda f’riskju jew toħolqilhom kumplikazzjonijiet li jpoġġuhom f’periklu ta’ saħħa gravi,” qalet il-Ministru Dalli. “Sfortunatament smajna ħafna argumenti li ma kellhom u m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ dak li qed niddibattu, li kienu mibnija fuq il-biża’, il-qerq u l-ingann.”

Hija kompliet tgħid li din hija emenda li biha qed jingħata serħan il-moħħ lit-tobba u lin-nisa li diġà jkunu qed jgħaddu minn martirju li mhux se jispiċċaw il-ħabs. Min-naħa l-oħra qalet li għandna Kap tal-Oppożizzjoni li suppost imissu jaf aħjar imma minflok għażel li jkompli jrewwaħ reazzjonijiet estremi.

Lejn tmiem id-diskors tagħha, il-Ministru Dalli rreferiet għal kumment ieħor li rċeviet mingħand mara bħalha li kien jgħid: “qas jgħaddili mill-kurituri ta’ moħħi li jekk inkunu tqila nittermina t-tqala imma naqbel ma’ din l-emenda għax tipproteġini bħala mara li jekk allaħares qatt jinqalagħli xi ħaġa għandi liġi tipproteġini. Taqtgħux qalbkom! Nixtieq li min għandu rasu fuq għonqu jitkellem ħalli nwaqqfu lil min qed jgħawweġ l-affarijiet b’sensazzjonaliżmu żejjed u bla sens.”

Finalment hija qalet li “din hija emenda li jiena bħala mara li rrid it-tfal, irrid naraha hemm għax jekk xi ħaġa tmur ħażin forsi ma nispiċċax f’qiegħ ta’ sodda imma jkolli ċ-ċans li jkolli tarbija tiegħi jien ukoll.”

Ekonomija

Sport