Tuesday, November 26, 2024

“Din mhijiex l-ewwel darba”… Il-problema ta’ kesħa fil-klassijiet

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-MUT terġa’ tipproponi investiment fit-tul u viżjoni b’pannelli li jiġġeneraw l-elettriku

Fl-aħħar jiem għadd ta’ ġenituri esprimew tħassib tort ta’ kesħa kbira li qiegħda tidħol fil-klassijiet. Twieqi u bibien qegħdin jinżammu miftuħa minkejja l-kesħa kbira li għamlet f’dawn il-ġranet bħala prevenzjoni mit-tixrid tal-Covid-19. Talk.mt tkellmet mal-President tal-Malta Union of Teachers (MUT), Marco Bonnici, fejn qalilna li din mhiex l-ewwel darba li l-MUT saħqet dwar l-importanza li tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni ta’ temperaturi estremi fil-klassijiet u reġa’ tenn il-proposta tagħhom li jsiru proġetti ta’ pannelli fl-iskejjel stess. 

“L-MUT fil-fatt ilha s-snin tiġbed l-attenzjoni dwar kemm sħana, kif ukoll bard estremi u anki pproponiet li jsir proġett ta’ pannelli li jiġġenera l-elettriku biex jilqa’ għaż-żieda fil-konsum. Dan jirrikjedi investiment fit-tul u viżjoni imma s’issa kollox jindika li dan kollu qiegħed jaqa’ f’widnejn torox,” saħaq Bonnici. L-MUT qiegħda tittama li l-edukaturi, li tant isir kliem ta’ tifħir dwarhom, jiġu apprezzati fil-prattika billi jiġu indirizzati problemi bħal din li tant ilna nsemmu.

Il-President tal-MUT qal li kif l-unjin li jmexxi l-ġimgħa l-oħra qalet li l-iskejjel bħalissa qegħdin jiffriżaw fil-kesħa minħabba l-protokolli tas-saħħa li jobbligaw lill-edukaturi biex iħallu t-twieqi u l-bibien miftuħa. Huwa argumenta li, “filwaqt li l-Ministeru u d-Direttorati għandhom l-arja kundizzjonata bis-sħana kollha li jixtiequ, il-membri tagħna qegħdin jirrapportaw sitwazzjoni tal-mistħija li xxekkel kemm l-andament tal-edukazzjoni u anke tipperikola s-saħħa tal-edukaturi u t-tfal”.

Rigward is-sitwazzjoni tal-pandemija vis a vis l-iskejjel, l-MUT tħoss li l-bidla fir-regolamenti tal-kwarantina u l-contact tracing ġabu “rebus sħiħ” fl-iskejjel. Bonnici qal li, “l-informazzjoni li qegħdin jirċievu l-iskejjel donnha qiegħda tinbidel kuljum skont lil min tkellem u d-direzzjoni ta’ x’suppost isir u meta, intilfet kompletament”. 

F’dan is-sens l-MUT qiegħda tappella mal-awtoritajiet biex ir-regolamenti jkunu aktar ċari u sempliċi u li ma jkomplux joħolqu l-kaos li hemm bħalissa.

Dan is-sit talab reazzjoni għall-proposta mill-MUT u dwar il-bdil fil-protokolli, iżda sakemm wasalna għall-istampa, konna għadna bla risposta.

Sport