Waqt li kien qed jindirizza mass meeting fi Pjazza Tritoni, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum l-Indipendenza, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech stqarr li din mhijiex il-Malta li wieħed għadu jagħraf.
Huwa beda biex stqarr li llum hawn għexieren ta’ eluf ta’ barranin li jgħixu u jaħdmu f’Malta u Għawdex. Qal li l-ħażin mhux il-barranin infushom imma fi kliemu Gvern li mhux jaħseb dwar l-effetti ta’ popolazzjoni akbar “mingħajr ma jagħmel investiment bi pjan.”
Dr Grech semma wkoll li Malta bħal donnu saret sit ta’ kostruzzjoni permanenti. Dan filwaqt li akkuża lill-Gvern li tilef ir-rieda, is-sinsla u l-prinċipji biex jiġġieled il-korruzzjoni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni żied jgħid li l-PN qed iħares ‘il quddiem għax “għandu passat u preżent li huwa kburi bihom.” Tenna wkoll li pajjiżna għandu nies ta’ ħila li bl-innovazzjoni kapaċi jagħtuna s-soluzzjonijiet sostenibbli.
Għalhekk qal li l-PN qed iħares lejn infrastruttura ta’ livell Ewropew li tkun kalamita u mutur għat-tkattir tal-ġid. Qal ukoll li “rridu ninkoraġġixxu u ngħinu lill-impredituri u investituri biex ikomplu joħolqu l-ġid” filwaqt li “Għawdex se jkollu ippjanar aktar bilgħaqal fil-qasam tal-kostruzzjoni.”
Dr Grech temm jgħid li għalkemm it-triq hija twila, id-destinazzjoni li qed jitkellmu dwarha diġà bdew jarawha fuq ix-xefaq.