Wednesday, March 18, 2026

“Din mhix problema ta’ Malta jew tal-Italja … iżda tal-Mediterran u tal-Unjoni Ewropea”

- il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett

Aqra wkoll

“Din mhijiex problema ta’ Malta jew tal-Italja, iżda tal-Mediterran u tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi”. Dan iddikjarah il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett f’kumment li ta fuq stazzjoni televiżiv nazzjonali Taljan. Ingħad ukoll kif pajjiżna jinsab lest għal kull eventwalità fir-rigward tal-każ tal-Arctic Metagaz. 

“Ktibt lill-Kummissjoni Ewropea dwar it-tanker ‘Arctic Metagaz”- L-MEP Thomas Bajada

Intant l-MEP Thomas Bajada spjega kif it-Tnejn kiteb lill-Kummissjoni Ewropea dwar it-tanker ‘Arctic Metagaz’ li qed jiddriftja fil-Mediterran bejn Malta u l-Italja. Bajada qal li sitwazzjoni bħal din tista’ toħloq konsegwenzi serji għall-ambjent tagħna u għall-provvista tal-ilma tal-pajjiż. 

Bajada qal ukoll; “Malta qed tosserva s-sitwazzjoni mill-qrib u qed tipprepara għal kull eventwalità. Iżda f’mumenti bħal dawn hemm bżonn ukoll li l-Ewropa taġixxi malajr biex nipproteġu lin-nies tagħna u dak kollu li jiddependi minnu pajjiżna.

Bgħatt ukoll mistoqsija Parlamentari mal-kollega tiegħi Taljan f’dan ir-rigward”

“Bżonn ta’ soluzzjoni permanenti”- il-Prim Ministu Robert Abela 

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar il-każ tal-baspiment Russu Arctic Metagaz li kien attakkat u li issa jinsab għal riħu fil-Mediterran. Enfasizza l-bżonn ta’ soluzzjoni permanenti, bħalissa t-tanker qed jimxi mal-kurrent, b’għadd ta’ pajjiżi differenti li jistgħu jiġu milqutin mill-impatt tiegħu. Abbord it-tanker hemm provvista ta’ gass naturali u hemm kwantità ta’ mijiet ta’ tunnellati ta’ heavy fuel oil.  

Fi Brussell, id-Deputat Prim Ministru Ian Borg ressaq din il-kwistjoni quddiem il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea. Il-Prim Ministru iddikjara li “aħna preparati għal kwalunkwe kontinġenza. Fuq livell lokali aħna preparati għal kwalunkwe kontinġenza, jiġifieri fuq livell ta’ CPD, fuq livell ta’ armata, qegħdin nosservaw dak li qiegħed jiġri. Il-ġimgħa li għaddiet iltqajna f’diversi drabi biex nippreparaw għal kull eventwalità, li tkun meħtieġa.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport