Hekk kif ilbieraħ ġew approvati l-emendi ġodda fil-liġi tal-IVF mill-Parlament, kienu bosta dawk li kkumentaw favur din il-liġi. Oħrajn appoġġjaw lil dawk id-deputati li vvotaw kontra din il-liġi.
Fost ħafna posts u kummenti fuq il-midja soċjali, Fr Anton Gouder esprima l-opinjoni tiegħu dwar dan il-każ. Huwa kkritika b’mod speċjali lill-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, li vvota favur dawn l-emendi l-ġodda. Fr Gouder fetaħ il-kritika tiegħu kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni billi ddikjara li “Dawn l-emendi mhumiex favur il-ħajja, kif qed tgħid. L-emendi lanqas huma biex mara li ma jistax ikollha tfal tkun tista’ toħroġ tqila, kif qed tgħid”.
“L-emendi li inti ivvotajt favurhom, huma biex ħajja umana li diġà teżisti (embrijun) ikun ittestjat u jekk jinstab li jkollu xi kundizzjoni jitqiegħed fil-friża għal dejjem, minflok ma jitpoġġa fl-omm biex jitwieled,” argumenta Fr. Anton Gouder.
Huwa kompla jgħid li s-soltu l-Partit Nazzjonalista jitkellem dwar il-kwalità tal-ħajja u l-opportunitajiet indaqs mentri b’din il-liġi li ġiet emendata dawn ma jagħmlux sens.
Fr Gouder kompla l-kritika tiegħu lejn il-Kap tal-Oppożizzjoni billi staqsieh jekk dan l-embrijun hux qiegħed jingħata opportunità daqs embrijuni oħra u xi kwalità ta’ ħajja jista’ jkollu dan l-embrijun jekk jitpoġġa ħaj ġo friża. B’rabta ma’ dan il-punt, Fr Gouder fakkar li minkejja li l-PN is-soltu jitkellem tant kontra d-diskriminazzjoni, din id-darba donnu nesa l-prinċipji tiegħu: “Din mhux diskriminazzjoni ċara li tagħżel min jitwieled u min joqgħod fil-friża”?
Huwa temm id-diskors tiegħi billi kkritika wkoll lill-membri tal-Partit Laburista li vvutaw favur l-emendi l-ġodda fil-liġi tal-IVF u temm jgħid li jiddispaċih għal pajjiżu.