Saturday, December 21, 2024

“Din mhux rebħa tiegħi biss iżda rebħa tal-poplu Malti u Għawdxi kollu”

Anatole Baldacchino, rebbieħ tal-Premju Soċjetà Ġusta

Aqra wkoll

Anatole Baldacchino hu kittieb li riċentement ippubblika ktieb b’riċerka unika li titfa’ dawl fuq dak li għaddew minnu survivors tal-mediċina Thaledomaide li kkaġunatilhom diżabbiltà. Hu għamel din ir-riċerka profonda dwar dan il-każ skandaluż li minnu ħarġet il-verità dwar it-tbatija ta’ tant nies u familji li sofrew bil-kbir. Il-ktieb jismu The Malta Thalidomide Affair.

Baldacchino irnexxielu jirbaħ il-Premju Soċjetà Ġusta 2024, premju prestiġġjuż mill-President ta Malta Myriam Spiteri Debono u l-Ministru ghall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia. Dan il-premju ngħata għall-kontribut li Baldacchino ta lejn it-tisħiħ tad-drittijiet u l-integrazzjoni f’socjeta aktar ġusta għall-kulhadd. Sadanittant Anatole Baldacchino kiteb fuq Facebook li xtaq jagħmel xi ringrazzjamenti sabiex il-ħolma tiegħu ssir realtà.

“Nixtieq nirringrazja lill-familja tiegħi u lit-Thalidomide Survivors Association (Malta) u l-fundaturi u b’mod speċjali lil Michael Debattista u lil Professur John Chircop mill-Universita ta’ Malta u nixtieq nirringrazzja lil min innominani; Kenneth Vella, Anthony Debono, Doreen Mamo, Nick Mamo, Marlene Sant, John Sant, Michael Debattista u Brian Brincat. Grazzi mill-qalb!”

Dan il-ġurnal tkellem ma’ Anatole Baldacchino, l-awtur tal-ktieb The Malta Thalidomide Affair fejn tana r-reazzjonijiet tiegħu wara dan il-premju li rebaħ.

Saqsejnieh mal-ewwel xi jfisser għalih li rebaħ dan il-Premju Soċjetà Ġusta. “Ifisser snin ta’ ħidma kbir akkumulata flimkien kemm permezz ta’ kitba akkademika u attribwiti oħra li fihom jidħlu ħafna affarijiet. Kien hemm ħafna djalogu u persważjoni tul il-kitba ta’ dan il-ktieb filwaqt li dan kollu ġabar flimkien evidenzi li xi kultant ma tantx kienu daqshekk sbieħ. Dan il-premju jfisser li ħaddieħor apprezza x-xogħol li għamilt u li ħadli aktar minn tmien snin u dan kollu iżda ssarraf fi premju li jien ma ngħidlux għalija personali iżda għall-Maltin u l-Għawdxin kollha. Dan hu suġġett li affettwa lilhom ukoll partikolarment fil-passat u kuntent li ħarġu ħafna affarijiet mir-riċerka profonda li għamilt.”

Anatole Baldacchino kellimna dwar il-ħidma tiegħu fi ħdan is-soċjetà Maltija. Hu sostna li dan is-suġġett kien moħbi taħt it-tapit għal ħafna snin u settur tas-soċjetà Maltija iġifieri persuni b’diżabbiltà sofrew sew minħabba l-inġustizzji li saru fuqhom fis-snin ħamsin u sittin. Kien suġġett li baqa’ moħbi u kellu jkun proprju l-istess Baldacchino li espona dan kollu. Dan kollu kien qed iseħħ anke f’pajjiżi oħra, xi ħaġa li hi verament kerha tismagħha aħseb u ara min isofriha. Skont l-awtur ta’ dan il-ktieb, min bata jrid jiġi rikonoxxut u jieħu dak li ħaqqu għax hekk imorru l-affarijiet. Hu semma’ kemm dan is-suġġett hu wieħed kumpless u għalhekk l-edukazzjoni hi importanti sabiex wieħed jasal biex lin-nies jgħarrafhom x’kien qed jiġri f’dawk iż-żminijiet.

“Is-snin ħamsin u sittin f’Malta kienu mqallba mhux ħażin. Kien hemm effett qawwi ta’ kolonjaliżmu li kien qed jispiċċa bil-mod il-mod bil-persuni b’diżabbilta’ li iżda kienu qed ibatu wisq. Hawn min wara dak li kellhom jgħaddu minnhom, għadhom qed ibatu sal-ġurnata tal-lum. Hemm ħafna affarijiet li l-pubbliku ma kienx espost għalihom. Bosta oħrajn kienu jafu iżda bħas-soltu jkun hemm setturi fis-soċjetà li jagħżlu li la jaraw, la jisimgħu u lanqas jitkellmu għalhekk qisu ma ġara xejn u l-ħajja tibqa’ sejra.”

Fis-snin bejn l-1950 u l-1964, il-poplu Malti kien għaddej minn turbulenzi kbar fil-ġlieda għall-indipendenza, għall-integrazzjoni u anke permezz tal-interdett. Kien hemm ħafna diverġenzi u għalhekk is-suġġett li tkellem fuqu Anatole Baldacchino sa ċertu punt kien sekondarju. Madankollu hu ħareġ ukoll evidenza oħra xejn sabiħa.
“Malta kienet qed tintuża’ bħala bażi jew aħjar imsejħa Overseas Test Centre fejn tfal f’diżabbilta’ kienu qed jiġu ttestjati u fejn ħafna minnhom mietu jew sofrew aktar dannu psikoloġiku. Dan kien skandlu kbir, iktar u iktar meta dan kollu kien qed iseħħ f’dawn iż-żminijiet fejn ħadd ma kien qed jitkellem. Immaġina persuna jew tifel b’diżabbilta’ kien qed jieħu litteralment droga li kien qed jeffettwalu kull parti tal-ġisem. Dan kollu biex jiġi ttestjat u jaraw ir-riżultati li joħorġu. Żgur li din hi xi ħaġa li diffiċli tniżżilha llum il-ġurnata iżda li dak iż-żmien kien isir bl-aktar mod lampanti!”.

Saqsejna lil Anatole Baldacchino kif jara s-soċjeta’ Maltija llum il-ġurnata u l-kuntrast mill-passat.

“L-ewwelnett intenni li l-poplu Malti u Għawdxi ġie mċaħħad mill-verità wara dan iż-żmien kollu. Għaddew aktar minn ħamsin sena iżda wara dik ir-riċerka kollha li għamilt, żgur li l-uġigħ ta’ dawn in-nies għadu jidwi sal-lum il-ġurnata. Il-poplu Malti ġie misruq mill-verita’ u hemm min bata mill-konsegwenzi kollha li għaddew minnhom.”

“B’xorti tajba llum il-ġurnata għandna drittijiet umani li jien narahom ferm importanti sabiex soċjeta’ tevolvi aktar ‘il quddiem. Pajjiż demokratiku żgur li ma jħallix dawn l-atroċitajiet iseħħu.”

Finalment Anatole Baldacchino qal li l-poplu Malti u Għawdxi qed jimmatura u kapaċi jitkellem fuq suġġetti kontroversjali. Fil-fatt stiednu sabiex ċerti suġġetti jiġu diskussi b’maturità, tolleranza u ħafna ħsieb. Wara kollox kif qal hu stess m’għandnix naħarbu milli niddiskutu ċerti temi li fl-aħħar mill-aħħar jeffettwaw lil kulħadd. B’hekk biss wieħed jista’ jara li s-soċjeta’ Maltija tista’ timxi dejjem aktar ‘il quddiem fil-futur.

“Finalment ngħid li m’għandnix naħarbu milli niddiskutu suġġetti kontroversjali għax dak jagħmel soċjeta’ matura u evoluta aktar lejn tolleranza u solidarjetà.”

Ekonomija

Sport