Tuesday, January 20, 2026

‘Din se tkun esperjenza differenti minn oħrajn li kelli f’dawn l-aħħar staġuni’ – Jean Claude Debattista

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Il-genituri tieghi flimkien ma huti kienu il-persuni li hajrunii nilghab il-football. Bdejt ta 5 snin ma Nursery ta Hamrun Spartans fejn mill-ewwel kelli l-hajra li nilghab goalkeeper. Is-sapport li sibt mill-minnhom kompla jaghmillhi kuraġġ u kont niehu it-tahrig bis-serjeta.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Zebbug Rangers FC?

Din ħa tkun esperjenza differenti minn oħrajn li kelli f’dawn l-aħħar staġuni. Meta kellimni l-kowċ Billy Mock, li għandi rispett kbir lejh, aċċettajt għax ridt nieħu din l-isfida li ngħin lill-Klabb jilħaq it-tragward, dak li jżommu posthom fiċ-Challenge League. Irrid ngħid li mhux faċli imma fl-istess ħin nemmen li flimkien bħala skwadra kapaċi nsalvaw.

X’inhuma t-tragwardi taghkom ghal dan l-istagun wara bidu ta’ stagun mhux daqshekk sodisfacenti?

It-tragward ta’ Zebbug huwa ċar li jevitaw ir-relegazzjoni. Għalkemm għadni kemm bdejt ma’ dan il-Klabb, nemmen li bl-isforzi li qed jagħmel il-kumitat, il-wasla tal-kowċ Billy Mock u plejers ġodda, dan it-tragward se nilħquh.

X’tikkummneta proprju fuq il-kowċ, Billy Mock?

Din se tkun it-tielet esperjenza tiegħi ma’ Kowċ Billy Mock. Malli sar jaf li jien kont waqaft minn ma’ Swieqi United, mill-ewwel talabni biex nerġa’ ningħaqad miegħu ma’ Zebbug. L-ewwel esperjenza tiegħi miegħu kienet mat-Tim Nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena meta kien assistent ta’ Branko Nisevic. Fuq livell ta’ Klabb, ma’ Swieqi dak iż-żmien fit-Tieni Diviżjoni fejn irbaħna l-promozzjoni għaċ-Challenge league. Ma’ dan il-kowċ dejjem ħassejtni rispettat kif jagħmel ma’ kull plejer fl-iskwadra. Is-Sur Mock għandu esperjenza kbira u dejjem titgħallem mingħandu.

Iddeskrvi l-esperjenza issa passata tiegħek ma’ Swieqi United FC fejn kont anke captain, u kemm tgħallimt minnha.

Ingħaqadt ma’ Swieqi United fl-istaġun 2017/2018 u kien il-kowċ Billy Mock li riedni niffirma magħhom. Bl-eċċezzjoni tal-istaġun 2019/2020, fejn mort ma’ Hamrun Spartans, bqajt dejjem magħhom sat-3 ta’ Jannar ta’ din is-sena. Irrid ngħid li ma’ Swieqi kienu staġuni sbieħ u ta’ sodisfazzjon. Il-promozzjoni mit-Tieni Diviżjoni għaċ-Challenge League u li rnexxielna nistabilixxu l-istatus tagħna f’din id-diviżjoni kienet esperjenza mill-aqwa.

Ma’ Swieqi, apparti l-impenn tieghi fil-pitch, kont nagħti kontribut u għajnuna oħra barra l-pitch biex nara lil dan il-Klabb dejjem jikber. Sfortunatament, dan l-istaġun kien differenti minn ta’ qabel. B’dispjaċir irrid ngħid li kont sorpriż bid-deċiżjoni tal-Klabb fuq parir tat-istaff tekniku li jien ma kontx ħa nibqa’ parti mill-iskwadra ta’ Swieqi. Deċiżjoni li għalqet dan il-perjodu mill-isbaħ fil-karriera tiegħi, perjodu li tani sodisfazzjon fil-logħba tal-futbol u deċiżjoni li għallmitni ħafna, kif tgħallmek il-ħajja.

Kif tqis il livell tal futbol Malti fil preżent?

Inħoss li l-livell tal-futbol Malti preżentement għola ferm kemm mill-aspett tekniku kif ukoll fejn jidħlu plejers. Jekk tħares lejn il-Malta Premier, hemm bilanċ bejn it-timijiet kollha. Il-livell ta’ plejers barranin tjieb ħafna mis-snin ta qabel. Dan il-fattur qed jgħin biex għola l-livell ukoll fiċ-Challenge League. Bin-numru ta’ plejers barranin, plejers Maltin li jsibuha diffiċli li jilagħbu fil-Malta Premier qed jagħżlu li jingħaqdu ma’ klabbs fiċ-Challenge League. Bosta klabbs akkwistaw plejers kemm Maltin kif ukoll barranin u xhieda ta’ dan huwa il-bilanċ li hemm bejn il-klabbs.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Il-grawnds tal-logħob, dak tas-Centenary Stadium u l-Victor Tedesco Stadiums, huma ta’ livell tajjeb ħafna. Il-grawnds tat-taħriġ, għalkemm huma aċċettabbli, wieħed ikun jixtieq li jkollu taħriġ fuq pitches aħjar. Għalkemm qed ngħid dan, wieħed irid jifhem id-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-klabbs biex iżommu dawn il-faċilitajiet fl-aħjar mod possibbli.

Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?

Filwaqt li qed nibda dan il-kapitlu ġdid fil-karriera tiegħi, kapitlu li qed inħares lejh b’ottimiżmu, nixtieq li nibqa’ navvanza fil-maturitá li bnejt fil-logħba tal-futbol sa issa ma’ speċjalment f’dak li jista’ joffri l-futur għalija.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed sempliċi però importanti. Din hija logħba sabiħa u aktar meta tkun parti minnha. Lil dawk it-tfal li għadhom żgħar u jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess, ngħidilhom biex jimxu pass, pass u ma jgħaġġlux. Jisimgħu minn dak li jgħidulhom il-kowċis rispettivi għax dak li jitgħallmu qed jagħmluh għalihom u mhux għall-kowċ. Jien kont ma’ Hamrun u biex erġajt wasalt hawn għamilt erba’ staġuni nilgħab f’diviżjonijiet iżgħar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport