Tuesday, May 20, 2025

Din se tkun l-ewwel esperjenza tiegħi fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u ninsab ħerqan immens għal din il-kompetizzjoni – Matthew Scerri

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?

Minn ta’ etá żgħira, minn dejjem urejt interess f’attivatijet sportivi varji. Bdejt nipprattika il-basketball ta’ ħames snin hekk kif ommi u missieri kienu spiss itellgħuni Ta’ Qali biex nara l-logħob tal-kuġini tiegħi, li kienu jilagħbu mal-klabb ta’ Starlites. Dak iż-żmien, kien sewwasew Dr Ivan Riolo, li llum nafuh aktar bħala l-president tal-klabb ta’ Starlites, li kien ħeġġeġ lill-ġenituri tiegħi biex jibgħatuni għas-sessjonijiet tat-taħriġ mal-akkademja tal-klabb.  Matul iż-żmien, kont anke bdejt nipprattika sport ieħor bħall-atletika u l-futbol qabel ma, fl-eta’ ta’ 11-il sena, ikkomettejt ruħi għall-karriera sportiva fil-basketball. Illum il-ġurnata, nissokta ngħid li m’huwa faċli xejn li tlaħħaq mal-isport, l-istudji, ix-xogħol u l-ħajja soċjali u personali tiegħek, pero s-sagriffiċji li jkollok tagħmel biex tipprogressa kemm tista fil-karriera sportiva hija evidenza ċara tal-imħabba li tkun kibret f’ħajtek għall-isport, fil-każ tiegħi, il-basketball.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Starlites JSD.

Din is-sena hija t-18-il waħda fil-karriera tal-basketball tiegħi u ninsab onorat immens li sa dan il-punt tal-karriera tiegħi dejjem kbirt fl-ambjent ta’ Starlites JSD. Matul is-snin ta’ żvilupp tiegħi f’ dan l-isport, dejjem sibt kowċis ta’ esperjenza li mbuttawni l-quddiem biex illum il-ġurnata wasalt fejn wasalt. Sa llum il-ġurnata stess, fi Starlites ma sibtx biss klabb tal-basketball, imma kif ukoll it-tieni familja tiegħi. Mill-kumitat u l-kowċis, sal-plejers u anke saħansitra l-għadd ta’ nies li fl-aħħar ta’ kull ġimgħa jiġu jagħtu s-sapport tagħhom lit-timijiet tan-nisa u tal-irġiel, ir-rispett rari jonqos u din hija ħaġa li dejjem tkompli timottivani biex nibqa nagħti l-għalmu tiegħi għas-suċċess ta’ dan il-klabb.

X’tikkummenta fuq l-andament tagħkom matul l-aħħar staġun?

Dħalna għal dan l-istaġun bl-aspettattiva li nirbħu l-unuri kollha possibli u nirrepetu s-suċċess tal-istaġun ta’ qabel. Minkejja li ma rnexxilniex nilħqu dan il-għan hekk kif sfajna eliminati mill-play-offs tal-kampjonat principali, ninsab ferm onorat li kellna l-opportunità li niktbu l-istorja Maltija bil-parteċipazzjonj taghna fil-FIBA Europe Cup, kif ukoll nirbħu żewġ unuri lokali flimkien bħala skwadra – is-Super Cup u n-Knock-out.

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek mat-tim nazzjonali Malti sa issa.

Permezz tat-tim nazzjonali Malti, dejjem kelli ċ-ċans li nesperjenza livell ta’ logħob li joffri kompetizzjoni differenti milli imdorrijin għalih fil-basketball Malti. Ngħid għalijja, huwa dejjem unur kbir li jkolli l-opportunitá li, flimkien ma’ bosta plejers lokali oħrajn, nirrapreżenta lil pajjiżi u l-assoċjazzjoni tal-basketball Malti. Naħseb waħda mill-isbaħ mumenti tal-karriera tiegħi li nibqa ngħożż ċertament għal ħajti kollha ġrat madwar tlett snin ilu, meta kienet ġiet organizzata l-kompetizzjoni internazzjonali tal-basketball f’Malta. Kienet biss it-tieni sena tiegħi mat-tim nazzjonali Malti tal-kbar u kien irnexxielna nagħmluha sal-finali tal-kompetizzjoni. Hekk kif beda jindaqq l-innu Malti qabel il-logħba tal-finali, niftakar kif ġismi kien qam xewk xewk hekk kif smajt padiljun mifqugħ nies ikantaw flimkien l-innu ta’ pajjiżna f’armonija waħda – ħaġa li qatt qabel ma kont esperjenzajt.

Kif qed tħares lejn il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2025 f’Andorra?

Din ħa tkun l-ewwel esperjenza tiegħi fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u ninsab ħerqan immens għal din il-kompetizzjoni. Kemm l-iskwadra tal-irġiel kif ukoll tan-nisa għaddejjin minn ġimgħat ta’ preparamenti għal dan l-avveniment importanti u ninsabu lesti biex naffaċċjaw lill-avversarji tagħna u niksbu r-riżultat mixtieq għal pajjiżna.

X’suċċessi maġġuri rbaħt fil-karriera tiegħek sa issa, kemm bħala tim kif ukoll fuq bażi personali?

Starlites JSD dejjem kien u għadu klabb li dejjem jaħdem lejn is-suċċessi u dawn matul iż-żmien qatt ma kienu neqsin. Apparti n-numru ta’ suċċessi li tkellimt fuqhom qabel fil-kategorija tal-kbar, tul il-karriera tiegħi iffurmajt parti minn ħafna skwadri rebbieħa ta’ kampjonati taż-żgħażagħ, mil-kategorija tal-U14 sa dik tal-U23. Fuq bażi personali, ġejt mogħti l-unur tal-plejer tas-sena tal-kategorija tal-U14, il-plejer tas-sena tal-kategorija tal-U16, u anke l-unur tal-player tas-sena tal-kategorija tal-U23 għal sentejn konsekuttivi. Għalkemm l-unuri fuq bażi personali huma sbieħ ferm li tirċivihom, speċjalment wara li tkun iddedikajt tant ħin għall-iżvilupp tiegħek innifsek fl-isport, l-għan prinċipali ta’ plejer fi sport bħall m’ huwa il-basketball għandhom dejjem ikunu l-unuri fuq bażi tat-tim u għalhekk, ninsab ħerqan biex inkompli nagħti l-għalmu tiegħi għal iktar unuri għall-klabb.

Kif tqis il-livell tal basketball lokali fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Naħseb li l-livell tal-basketball lokali qegħdin narawh kontinwament jikber tul iż-żmien, mhux biss fil-kategoriji tal-Ewwel Diviżjoni imma wkoll fil-kategorji mill-U14 sal-U23. Fil-kategoriji tal-kbar, bl-inklużjoni tal-plejers li jiġu minn barra minn xtutna, qiegħed ikun hemm logħob ferm interessanti u kumbattut li naħseb jgħolli l-livell ta’ kompetizzjoni fil-kampjonati lokali. Madankollu, naħseb li l-livell tal-basketball lokali jibbenifika sew billi plejers prominenti li jkunu għadhom fiż-żmien ta’ żvilupp jiġu mħeġġa u mmotivati sabiex imorru jitħarrġu fuq livell internazzjonali. Esperjenzi bħal dawn jagħtu lill-plejers opportunitá li jkomplu jikbru f’dan l-isport sabiex eventalwent, ikunu jistgħu juru l-iżvilupp tagħhom kemm fil-basketball lokali u anke mat-tim nazzjonali Malti.

U dak tar-riżorsi (Padiljun) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob tagħkom?

F’dawn l-aħħar snin, ċertament rajna bidla fil-padiljun tal-basketball lokali wara xogħol ta’ rinovar min-naħa tal-Malta Basketball Association (MBA). Padiljun li mhux biss ingawduh matul l-istaġun lokali imma anke diġa kellna ċ-ċans li nospitaw kompetizzjonijiet fuq livell Ewropej kif semmejt qabel. Rajna wkoll iż-żieda ta’ courts fuq barra li huma miftuħa għall-pubbliku f’ diversi lokalitajiet madwar xtutna – xi ħaġa li nittama li tkompli tiżdied sabiex jikber l-isport fuq bażi lokali.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-basketball? Għad narawk kowċ ‘il quddiem?

L-imħabba u d-dedikazzjoni tiegħi lejn dan l-isport mhumiex żgħar. Tul ħajti kollha, il-basketball għallimni lista varjata ta’ lezzjonijiet li sirt napplikahom fil-ħajja ta’ kuljum. Naħseb waħda mill-ikbar lezzjonijiet li tgħallimt kienet li qatt ma tista tgħid kemm fadallek tilgħab u kemm saħħtek ħa ttik sabiex tkompli tikkompeti fl-ogħla livell possibli. Naturalment, nittama li nibqa ingawdi l-emozzjonijiet u l-lezzjonijiet li dan l-isport jipprovdili bħala plejer għal tul ta’ żmien, dejjem għatxan għal iktar unuri u mumenti pożittivi. Karriera ta’ kowċ, speċjalment wara li jkun sarli ż-żmien biex nieqaf nikkompeti bħala plejer, naraha possibli ferm peró naturalment, dan ma nistax niddeċidieh f’dan l-istadju.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-basketball.

Messaġġ wieħed li nixtieq ngħaddi, mhux biss għal dawk li jfittxu biex jagħmlu karriera sportiva fil-basketball, imma anke għal dawk li għandhom ispirazzjonijiet u ambizzjonijiet diversi huwa dan: “Sabiex tikseb xi ħaġa li qatt ma rnexxielek tikseb qabel, trid tkun lest tagħmel affarijiet li qatt ma tkun għamilt qabel”.  Sew jekk ikollok bżonn tqum kmieni filgħodu, sew jekk ikollok bżonn torqod tard bil-lejl, u sew jekk ikollok bżonn tagħmel kwalunkwe sagrifiċċju li ma jkollokx aptit tagħmel sabiex tikseb l-għanijiet u l-ambizzjonijiet tiegħek, kemm inti lest li tagħmel dak kollu meħtieġ sakemm tilħaq is-suċċess li tixtieq?!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport