Thursday, April 10, 2025

Dinja mingħajr trejdunjoniżmu tagħti lok għal abbuż u sfruttar

– is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja f’diskussjoni dwar ir-rilevanza tat-trejdunjins

Aqra wkoll

“Immaġinaw dinja mingħajr trejdunjoniżmu, kemm ikun hawn iktar abbuż u sfruttar!’ li tixhed bis-sħiħ l-irwol tat-trejdunjoniżmu anke fis-sena 2025. F’pajjiżi oħra, li huma meqjusa bħala żviluppati, għadek issib nuqqasijiet li f’pajjiżna ilhom li daħlu bħala parti mil-liġijiet tagħna, mis-snin 70, bħal eżempju is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, xi ħaġa li fl-Amerka għadha mhix koperta bil-liġi. L-esperjenza tagħna fuq livell Ewropew u dak internazzjonali fl-ILO f’Ġinevra, tagħtina stampa ċara ta’ kemm ix-xogħol tagħna hu siewi, u ta’ kemm l-ambjent f’pajjiżna iħalli spazju lit-trejd unjins jaħdmu”. Iddikjara dan is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja f’diskussjoni organizzata minn IDEAT dwar ir-rilevanza tat-trejdunjins. Huwa fakkar il-ftehim riċenti mal-Gvern li permezz tiegħu issa l-binja tal-GWU hija garantita, u fakkar li f’dawn l-aħħar snin rajna żviluppi mgħaġġla fejn jidħlu kundizzjonijiet ġodda għal-ħaddiema u spinta fil-qafas legali, bħal festi pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa jiġu miżjuda mal-leave, u li l-paga minima għoliet darbtejn bejn 2017 u l-2025.

Attenda wkoll għal din id-diskussjoni, il-Ministru għal-Intern, Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, li rrimarka li qabel l-2015 kienet illegali li l-ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati jissieħbu fi trejd unjin, u kien dan il-Gvern li rratifika l-liġi u llum nafu t-titjib kollu li dawn il-ħaddiema qegħdin igawdu, b’kundizzjonijiet u drittijiet xierqa, u bi ftehimiet kollettivi li jixhdu l-impenn tagħna lejn id-drittijiet tal-ħaddiema. Saħaq ukoll li l-konsultazzjoni pubblika rigward il-Policy tal-Migrazzjoni u x-Xogħol kienet suċċess, b’il fuq minn 300 sottomissjoni u f’ħafna minnhom b’dettall sħiħ. Dan juri l-importanza ta’ din il-policy u jixhed qbil unanimu fuq prinċipju wieħed; dak li mhux se nittolleraw sfruttar tal-ħaddiema, u diskrimazzjoni bejn in-nazzjonalitajiet. Dan ikompli jurina r-rilevanza tat-trejd unjins fl-2025. Il-frott ta’ din il-konsultazzjoni se jkun qed jitħabbar fil-ġimgħat li ġejjin. 

Diane Vella Muscat, Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER), rrimarkat il-liġijiet il-ġodda li pajjiżna ra fis-seħħ matul 2024 bħal tat-temping agencies u tipi ġodda ta’ leave, u li f’dawn il-każi pajjiżna qiegħed fuq quddiem nett meta mqabbel mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Hija rreferiet ukoll għall-irwol tad-DIER f’każ ta’ tilwim industrijali u l-irwol tat-Tribunal u li l-maġġoranza tal-każi jissalvaw qabel it-Tribunal; dan juri r-rieda ta’ min iħaddem li jsolvi l-affarijiet u allura fejn hemm r-rieda hemm negozjati b’saħħithom. 

Fabio Muscat, li jmexxi l-OZO Group, fakkar kif qatt ma kien jimmaġina li l-kumpanija tiegħu tavviċina trejd unjin, biex isservi bħala partner għal proċess tat-tkabbir li l-kumpanija kienet qed tgħaddi minnu. Illum il-ġurnata il-GWU hija partner, fuq il-mejda, u hemm fiduċja sħiħa miż-żewġ partijiet. Dan huwa li jwassal għal negozjati għal benefiċċju ta’ kulħadd u b’investiment xieraq fil-ħaddiema, inkluż taħriġ. 

Huwa saħaq li min hu serju lejn il-ħaddiema tiegħu ma jahsibx li se jkun ta’ żvantaġġ għalih għax għandu trejdunjin fuq il-mejda, u rrefera b’mod b’saħħtu lejn l-importanza tal-edukazzjoni tat-trejdunjoniżmu fuq il-postijiet tax-xogħol, speċjalment fejn hemm ħaddiema li ġejjin minn kulturi differenti u li dawn f’pajjiżhom ma jifhmux li trejdunjin hija ta’ vantaġġ għalijhom. Huwa dmir tagħna li ninkludu trejd unjins anke waqt inductions li jsiru meta jibdew ħaddiema ġodda. 

Sadanittant, parteċipanti fid-diskussjoni qasmu l-esperjenzi tagħhom ta’ dak li għaddew minnu fuq il-post tax-xogħol anke fis-sena 2025 u saħqu li trejdunjins, speċjalment il-GWU kienu ta’ sostenn kbir għalihom però fadal xi jsir.

Jurgen Azzopardi, is-Segretarju tat-Taqsma GWU Marittima u Avjazzjoni, staqsa jekk wasalx iż-żmien li trejdunjoniżmu u l-liġi tax-xogħol ikunu parti mis-sillabu tal-iskejjel sabiex ikun suġġett ħaj u utli għal ħaddiema futuri. 

Matthew Attard f’isem l-unjin Solidarjetà attenda għal din id-diskussjoni fejn semma kif bdiet din il-unjin u staqsa jekk wasalx iż-żmien li t-trejdunjins jirċievu fondi mill-Gvern sabiex ikunu jistgħu joperaw.  

F’din id-diskussjoni ssemmew ukoll realtijiet fuq il-post tax-xogħol inkluż anke dwar l-emendi legali ta’ ħaddiema li ġejjin minn pajjiż terzi u anke dawk ġodda bħal gig economy, il-flessibilita’ fuq il-post tax-xogħol, temi oħra li jiġu wkoll diskussa fuq livell Ewropew u internazzjonali bħas-saħħa u sigurtà, liġijiet u direttivi ġodda, il-qasma diġitali u id-drittijiet soċjali li l-Unjoni Ewropea tħaddan. 

Il-ħidma ta’ dan il-Gvern verament tispikka fejn jidħlu ftehimi kollettivi ġodda anke għal setturi li qatt ma ħlomna li jkollhom ftehim kollettiv, l-investimenti f’uniformijiet u makkinarji ġodda bħal dawk fil-ħaddiema tal-korpi, liġijiet ġodda, u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar f’diversi oqsma, huma eżempju ċar, u li tant qed iseħħu b’mod gradwali u b’pass mgħaġġel, li tikkonferma l-impenn ta’ dan il-Gvern lejn il-ħaddiema tagħna, u mhux sempliċiment għax ninsabu qrib Jum il-Ħaddiem.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport