Thursday, January 8, 2026

DINJA TAX-XOGĦOL LI KONTINWAMENT TITTRASFORMA

Aqra wkoll

Jidher li s-sena li għadha kemm bdiet, l-2026, se tkun waħda importanti ferm għad-dinja tax-xogħol u allura anki għas-soċjetà inġenerali. Waqt li l-ekonomija Maltija mistennija tkompli tikber, it-teknoloġija – b’mod partikolari l-Intelliġenza Artifiċjali – aktarx li tħalli effett fil-mod kif naħdmu u kif naġixxu fuq il-postijiet tax-xogħol tagħna. Dwar dan, diġà konna tkellimna fl-aħħar ġimgħat, fejn għedna li s-sena li għaddiet pajjiżna għadda minn trasformazzjoni sħiħa f’dik li hija teknoloġija.

Għalhekk, issa b’ħarsitna ’l quddiem, ikun tajjeb li nifhmu x’se tkun qiegħda toffrilna s-sena l-ġdida f’dan il-qasam. Irridu naraw kif nisfruttaw bl-aħjar mod dawn l-avvanzi teknoloġiċi b’tali mod li nagħmlu l-aħjar użu tagħhom fil-ħidma tagħna ta’ kuljum. Irridu naraw ukoll li dawn l-għodod ġodda jgħinu biex jitjiebu l-ħiliet tal-ħaddiema tagħna u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-istess waqt li jkunu protetti l-impjiegi. Irridu naraw li l-intelliġenza artifiċċjali tikkumplimenta u mhux tissostitwixxi l-impjieg tal-ħaddiem, kif hawn ħafna qed jissuspettaw li din tista’ tagħmel.

Dan il-kuntest kollu, li d-dinja tax-xogħol qiegħda tiżviluppa b’ritmu mgħaġġel ħafna, ġie nnutat ukoll mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja li tkellem b’mod ċar dwar kif l-AI u d-diġitalizzazzjoni jridu jiġu implimentati b’approċċ iċċentrat fuq il-bniedem. 

Il-Union kontinwament tinsisti fuq l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja biex wieħed kontinwament itejjeb il-karriera tiegħu u jkompli miexi ’l quddiem. Anki l-imsieħba soċjali jagħrfu l-importanza ta’ dan. F’dan il-qafas, kollox għandu jiċċentra madwar id-djalogu soċjali, li f’pajjiżna dejjem kien wieħed b’saħħtu u aċċettat. Dan għaliex permezz tad-djalogu soċjali, ikomplu jissaħħu r-relazzjonijiet industrijali bejn min jaħdem u min iħaddem.

Għalhekk it-tfassil tax-xogħol tal-futur irid ikun wieħed li jirreferi għal perspettiva infurmata dwar dak li n-negozji u organizzazzjonijiet oħra jeħtieġu jkunu jafu dwar kif ix-xogħol jista’ jinbidel minħabba d-diġitalizzazzjoni u xejriet oħra, flimkien ma’ kif il-forzi tax-xogħol u l-postijiet tax-xogħol jistgħu jippreparaw għal dawk il-bidliet, kbar u żgħar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport