Minn Cristian Muscat
Dion Fenech huwa wieħed mill-aktar plejers żgħażagħ promettenti fil-hockey Malti. Għad għandu biss 15-il sena, iżda diġà qed jitqies bħala figura ewlenija fil-livelli taż-żgħażagħ ma’ Qormi Daikin Hockey Club, klabb li fl-aħħar snin stabbilixxa ruħu bħala forza dominanti fl-isport lokali.
Bil-passjoni, id-dixxiplina u x-xewqa kontinwa li jitjieb, Dion qed jibni pedamenti sodi għal futur li jidher wieħed mimli potenzjal. Aħna ħaditlu l-kummenti tiegħu eżatt wara logħba mill-kampjonat nazzjonaliu tal-hockey bejn Qormi Daikin u GREE Żurrieq Wolves Hotsticks fejn hu kien parti minn dan it-im.
Saqsejnih kif bdiet l-imħabba tiegħu lejn il-hockey. Il-vjaġġ tiegħu fil-hockey beda minn età żgħira ħafna. “Ili nilgħab hockey minn meta kelli erba’ snin,” jgħid Dion. “Minn dejjem kont ma’ Qormi Daikin, u l-hockey dejjem kien parti minn ħajti.” Din il-kontinwità mal-istess klabb għenitu jikber mhux biss bħala plejer, iżda wkoll bħala persuna, f’ambjent li jagħti importanza kbira lill-iżvilupp fit-tul tal-atleti tiegħu.
Illum Dion huwa anke parti mit-tim taż-żgħażagħ ta’ Qormi Daikin, fosthom it-tim Under-16, rwol li jġorr miegħu responsabbiltà kbira. Minkejja l-età żgħira tiegħu, huwa meqjus bħala mexxej fuq u barra mill-grawnd. “Inħossni onorat li nilgħab ma’ dan it-tim kif ukoll anke dak tal-hockey 7s,” jgħid. “Tipprova dejjem tkun eżempju għal sħabek, kemm fit-taħriġ kif ukoll fil-logħob.”
L-2025 kienet sena importanti ħafna għal Dion u għall-klabb tiegħu. F’Marzu, huwa mexxa lit-tim tiegħu għar-rebħa fl-ewwel edizzjoni tal-Hockey 5s, kif ukoll għat-titlu tal-kampjonat ta’ taħt it-18-il sena, suċċessi li juru kemm il-ġenerazzjoni żagħżugħa ta’ Qormi Daikin hija waħda b’saħħitha. Dion mhux biss mexxa bil-kariżma tiegħu, iżda wkoll bil-prestazzjonijiet fil-grawnd, fejn spiss jikkontribwixxi b’gowls u prestazzjonijiet konsistenti.
Fil-fatt, Dion diġà qed juri li jista’ jikkompeti wkoll kontra plejers akbar minnu. Matul dan ix-xahar huwa skorja fil-kampjonat ta’ taħt it-18-il sena f’logħba kontra Marsaskala Heat, prova oħra li l-livell tiegħu qed ikompli jitla’. Huwa plejer li jilgħab kemm fil-Hockey 7s kif ukoll fl-Under-18, u jemmen li dawn l-esperjenzi jgħinuh jitjieb. “Għandna tim tajjeb ħafna kemm fil-7s kif ukoll fl-Under-18,” jispjega. “Kull logħba tgħallmek xi ħaġa ġdida.”
Il-ħolma kbira tiegħu, però, tibqa’ waħda ċara: li jilgħab iktar regolari mat-tim tal-kbar immexxi mill-kowċ Andre Ghio. “Minn dejjem inkun irrid nilgħab mal-kbar,” jgħid b’ċertezza. “Diġà kelli ċ-ċans nilgħab darba mas-seniors, u dik kienet esperjenza li qatt ma ninsa.” Għalih, dik il-logħba kienet biss bidu, pass żgħir lejn dak li jixtieq jilħaq fil-futur.
Dion qed jikber fi ħdan klabb li fl-istaġuni riċenti laħaq livelli straordinarji. Fl-2024/2025, Qormi Daikin HC kellhom sensiela ta’ suċċessi storiċi bil-kisba tat-titli domestiċi kollha: il-Kampjonat Nazzjonali, iċ-Challenge Cup, is-Super Cup, il-Knock-Out u l-Hockey 5s National League. Barra minn hekk, f’Ġunju tal-2025, it-tim rebaħ ukoll l-EuroHockey Club Challenge III f’Oslo, in-Norveġja, suċċess Ewropew li jpoġġi lill-klabb u lill-hockey Malti fuq livell ġdid.
Il-fatt li Dion qed jitħarreġ u jikber f’dan l-ambjent huwa ta’ benefiċċju kbir. Huwa jara mill-qrib plejers ta’ livell għoli u jitgħallem minn kowċis u strutturi professjonali. It-tim hu mmexxi mill-kowċ Andre Ghio, filwaqt li plejers bħal Luke Bajada, li rebaħ il-premju tal-Hockey Association Malta Plejer tas-Sena 2024/25, iservu bħala eżempju għal dawk iż-żgħażagħ li qed jitilgħu.
Anke fil-Hockey 7s, Qormi Daikin jibqgħu jiddominaw. It-tim rebaħ it018-il titlu tal-7-a-side National League f’Marzu tal-2025, u beda l-istaġun 2025/26 b’riżultati impressjonanti, fosthom rebħa ta’ 9–0 kontra White Hart u ta’ 5–4 kontra Floriana YS.
Dan kollu juri kemm il-klabb għandu profondità u kwalità f’kull livell.
Meta mistoqsi min hu l-plejer li jispirah l-aktar, Dion ma jaħsibx darbtejn. “Joseph Cuschieri,” jgħid. “Inħares lejh ħafna għal kif jilgħab u kif iġib ruħu fil-grawnd.” Dan juri li Dion mhux biss iffukat fuq il-ħiliet tekniċi, iżda wkoll fuq il-valuri u l-attitudni li plejer għandu jkollu.
Rigward il-futur tiegħu fil-hockey, Dion jibqa’ umli iżda ambizzjuż. “Il-ħolma tiegħi hi li nibqa’ nilgħab u nsir plejer mas-seniors, bħal dawk li llum qed nara u nammira,” jistqarr. Jaf li għad hemm ħafna xogħol xi jsir, iżda huwa lest jagħmel is-sagrifiċċji meħtieġa.
Dion xtaq jagħmel xi ringrazzjamenti lil xi nies li tawh iċ-ċans mhux biss jimmatura iżda wkoll itejjeb il-livell tiegħu.
“Ma nistax ma nsemmix lill-kowċis kollha li mexxewni u għadhom imexxuni. Lill-ommi u lil missieri m’għandix biżżejjed kliem biex infaħħar id-dedikazzjoni kbira tagħhom lejja speċjalment għax huma jwassluni mhux biss għas-sessjonijiet ta’ taħriġ iżda wkoll għal-logħob li jsir fil-Kumpless tal-Hockey f’Kordin.”
Bil-passjoni li għandu lejn il-hockey, il-maturità li juri minkejja l-età u l-ambjent qawwi li qed jikber fih, Dion Fenech jidher li għandu quddiemu futur sabiħ f’dan l-isport. Jekk jibqa’ miexi fuq l-istess triq ta’ impenn u dedikazzjoni, m’hemmx dubju li ismu se jibqa’ jissemmà dejjem aktar fil-hockey Malti tas-snin li ġejjin.

